Lokali

Zammit Lewis ma jserraħx ras il-Pulizija

Wara l-ftehim li laħqet l-Avukat Ġenerali ma’ Daren Debono, llum fil-Korp tal-Pulizija daħal sens kbir ta’ qtugh il-qalb.

Dan bħala konsegwenza diretta tal-fatt li l-istituzzjoni mmexxija Victoria Buttigieg ftehmet ma’ Debono.. magħruf bħala t-Topo… li titnaqqaslu l-akkuża oriġinali fil-konfront tiegħu.

Debono, li kien involut fl-attentat ta’ fis-serqa tal-HSBC fl-2010, oriġinarjament kien akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ żewġ uffiċjali tal-Pulizija. Iżda issa, bil-ftehim milħuq, din l-akkuża inbidlet għal waħda ta’ attentat ta’ feriment.

Dakinhar kienu sparati mas-70 tir lejn il-Pulizija.

Dan kollu irrabja ferm lill-uffiċjali tal-Korp li ta’ kuljum jirrapurtaw fuq il-post tax-xogħol u ma jafux il-jum ta’ ħidma tagħhom ma xiex se jlaqqagħhom.

Madankollu, mistoqsi jgħaddi messaġġ lill-Pulizija fl-isfond ta’ dan kollu, l-Ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis spiċċa jitkellem b’mod tekniku dwar is-saltna tad-dritt.

Wara li ma weġibx, pruvajna nsaqsuh kif dak li sehh b’dan il-ftehim qed juri li l-gustizzja qed issir u kif dan ghandu jaghti serhan il-mohh lill-Pulizija.

Wara li għat tieni darba ma weġibx, tlabna lil Edward Zammit Lewis jagħtina kumment ieħor bit-tama li jgħaddi messaġġ lill-membri tal-Pulizija li b’xi mod isserħilhom moħħhom li xogħolhom jingħata valur vera, meta bħalissa jinsabu tant irrabbjati għal dak li qed jiġri f’pajjiżna.

Iżda anke hawn il-Ministru tal-Ġustizzja ma sabx imqar kelma waħda li tikkonsla lill-Pulizija, u minflok iddistakka ruħu mid-deċiżjoni kontroversjali ta’ Victoria Buttigieg – billi farfar kollox fuqha.

Tags