Kienu bosta l-persuni li tkellmu ma’ Net News dwar għadd ta’ boroż sofor li jinsabu mormija fl-inħawi tas-Swatar, f’Birkirkara.
Boroż li, evidentament, fihom hemm skart perikoluż – kif jindikaw is-sinjali fuq kull borża. B’nies li tkellmu magħna u li raw dawn il-boroż qalulna li dan is-sinjal jikkonferma s-suspett li dawn il-boroż fihom materjal u skart tal-isptraijiet jew ta’ klinika. Bl-istess nies jgħidu li anki raw minn taħt il-boroż għadd ta’ siringi u anki ingwanti.
Net News żar iz-zona biswit l-isptar Mater Dei, bi studenti li jattendu l-Univerità ta’ Malta qalulna li dawn il-boroż ilhom hemm għal kważi ġimagħtejn, b’uħud mill-boroż sa anki jinsabu mwaħħla fuq is-siġar.
Iz-zona l-oħra fejn jinsabu dawn il-boroż tinsab ftit ‘il bogħod mill-isptar Mater Dei.
Sa issa mhux magħruf x’wassal biex dawn il-boroż sofor jiġu mormija b’dan il-mod, iżda persuni midħla tal-qasam tas-saħħa kkkonfermaw ma’ Net News li dawn il-boroż żgur mhux posthom li jkunu mormija f’post pubbliku, u wisq aktar li jkunu mormija b’dan il-mod.
L-istess persuni li tkellmu magħna qalulna li la fil-boroż hemm materjal perikoluż, dan ifisser li dak li hemm fil-borża għandu jkun maħruq jew mormi b’metodi differenti mill-iskart normali.
S’issa m’għandna l-ebda informazzjoni oħra kif dawn il-boroż bi skart perikoluż ġew mormija f’dawn l-akwati.
//= $special ?>