Internazzjonali

Brażil: Vittmi tax-xita u l-valangi

Numru ta’ familji tilfu kollox b’riżultat ta’ valangi tal-art u għargħar ikkaġunati mill-ħalbiet tax-xita li ma waqfux għal dawn l-aħħar jiem. Il-maltemp ikkaġuna talanqas għaxar imwiet fl-Istat ta’ Minas Gerais, lejn ix-xlokk tal-Brażil u fejn numru ta’ bliet spiċċaw mgħarrqin wara li l-ilma tax-xmajjar faqgħet l-art.

Intant, aktar minn 17,000 kienu kostretti jabbandunaw djarhom, bl-awtoritajiet qegħdin isegwu l-iżviluppi qrib tad-digi li kapaċi jinfaqgħu minn ħin għall-ieħor. Dan fost il-biża’ li aktar inżul tax-xita għandha tħalli l-effetti katastrofiċi fiz-zoni milqutin l-agħar mill-maltemp.

Kienu rappurtati anki każi fejn instabu l-familji mirdumin taħt valangi fil-belt ta’ São Gonçalo do Rio Abaixo, b’aktar imwiet ikunu rappurtati fl-inħawi ta’ Caratinga u fil-belt ta’ Juatuba.