“Huwa insult għal kull mara u tifla li l-Ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, jiskarta r-realtà ħarxa tal-vjolenza domestika kif ukoll it-tbatija li jgħaddu minnha. Wasal iż-żmien li Zammit Lewis u kull persuna fil-klassi politika jifhmu li min jiskarta din ir-realtà ħarxa mhux se jelimina l-vjolenza domestika.
Il-kummenti li għadda l-Ministru tal-Ġustizzja lill-ġurnal Times of Malta huma ta’ weġgħa ukoll għal min jaħdem qatiegħ biex jiġġieled din il-vjolenza u dawk li salvaw minn din it-trawma.”
Saħqet dan l-attivitsta favur id-drittijiet tan-nisa, Lara Dimitrijevic, f’post fuq facebook li fiha rrimarkat kif il-Ministru Zammit Lewis falla milli jifhem il-vjolenza kontra n-nisa fis-soċjetà meta eskluda għalkollox il-possibbiltà li pajjiżna jilleġiżla biex il-femċidju jsir reat kriminali ġdid.
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif prova jagħti x’jifhem Edward Zammit Lewis, ma tittrattax il-femiċidju iżda l-vjolenza kontra n-nisa kif ukoll il-vjolenza domestika.
Li wieħed jinjora għalkollox it-talbiet tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewropew għar-rikonoxximent tal-femiċidju juri li l-Ministru tal-Ġustizzja huwa maqtugħ għalkollox mir-realtà ta’ tbatija li l-mara tgħaddi minnha u li hemm nuqqas ta’ rieda politika li wieħed jiġġieled din il-pjaga.
Għal Lara Dimitrijevic, mhuwiex aċċettabbli li wieħed jgħid li baqa’ ħafna aktar xi jsir u fakkret kif il-Gvern dam 4 snin ikarkar biex implimenta l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
//= $special ?>