Ekonomija Kummerċ Lokali

“Dawk li ma jħallsux it-taxxa għadhom jieħdu l-kuntratti tal-Gvern”

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-Gvern jieqaf jagħti tenders lil min ma jħallasx taxxa

“Ejja jkollna level playing field kemm fil-ġbir tat-taxxi u anki fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi biex b’hekk il-Gvern jippromowvi l-ħlas tat-taxxi billi jipprojbixxi lin-negozji li ma jħallsux taxxa fl-istess sejħet.”

Saħqet dan il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija l-Erbgħa li fiha nnutat kif il-Gvern għadu jippermetti lill-kumpaniji li ma jħallsux it-taxxi jieħdu l-kuntratti multimiljunarji tal-Gvern u jipparteċipaw b’mod attiv fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi meta huwa fatt magħruf li għandhom arretrati ta’ taxxi li jlaħħqu l-miljuni.

Dawn il-kumpaniji qed jispiċċaw f’vantaġġ fuq dawk il-kumpanija li jħallsu t-taxxi fil-ħin għaliex jistgħu joffru proposti aktar kompetettivi u orħos meta dawn messhom jiġu ppenalizzati u skwalifikati awtomatikament f’dawn is-sejħiet għall-offerti pubbliċi, saħqet l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ.

Meta l-Gvern qiegħed jippremja tenders lil min ma jħallasx it-taxxa, il-Gvern qed jippromwovi kultura ta’ evażjoni tat-taxxa flok kulħadd iħallas il-parti tiegħu.

“Għal kull kumpanija li ma tħallasx it-taxxa, hemm kumpaniji oħrajn li qed iħallsu aktar taxxi milli jmisshom.”

Il-Malta Chamber hija tal-fehma li dawn in-nuqqasijiet u l-abbużi jibqgħu jiġru għaliex m’hemm l-ebda trasparenza meta jiġi rrappurtati varjazzjonijiet fil-kuntratti u fl-għoti ta’ direct orders tal-Gvern, bil-Kamra tinnota ukoll li fejn hemm entitajiet tal-Gvern li għandhom infieq esaġerat, kien hemm kontrolli interni dgħajfa.

Il-Kamra tal-Kummerċ fakkret fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali 2020, ippubblikat ix-xahar li għadda, li fih ħemel ta’ eżempji ta’ prattiċi ħżiena fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi.

L-Awditur Ġenerali identifika diversi ċirkostanzi li fihom ma ġewx ippubblikati r-riżultati tal-għoti tal-kuntratti fil-Gazzetta tal-Gvern u l-użu estensiv ta’ direct orders minn ċerta entitajiet, bi ksur sfaċċat taċ-Ċirkulari tal-Ministeru tal-Finanzi Numru 3 tal-2013, bit-titlu “Regolamenti għas-sejħiet għall-offerti pubbliċi – direct orders” li fiha tisħaq li d-direct orders għandhom jingħataw mill-anqas.

Il-Malta Chamber saħqet fuq il-ħtieġa li dawn l-entitajiet jagħtu ġustifikazzjoni vera għall-għoti ta’ direct orders.