Lokali

Minflok jindirizza l-għoli tal-ħajja… Roderick Galdes jogħrok idejh

Il-Gvern Laburista qed jibqa’ jinjora għal kollox il-problema tal-għoli tal-ħajja… problema li qed taffettwa lil diversi familji u pensjonanti li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Bil-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri tieghu jibqghu ma joffru ebda soluzzjoni konkreta biex inaqqsu dan il-piż minn fuq il-ħaddiema u l-pensjonanti.

Din id-darba kien imiss lill-Ministru Roderick Galdes li ma jwiġibx għaliex sal-lum il-Gvern għadu ma indirizzax din il-problema – sitwazzjoni li qed tkompli teskala minħabba ż-żieda fil-prezz ta’ diversi prodotti essenzjali. Iżda, għal dar’oħra, bqajna mingħajr tweġiba… bil-Ministru jitkellem biss fuq il-moralità.

Wara li l-Ministru infexx fis-solita retorika politika…erġajna pruvajna nisaqsuh jagħtina s-soluzzjonijiet li qed jistennew in-nies. Pressat għal darb’oħra biex jagħtina tweġiba konkreta, Roderck Galdes spiċċa jogħrok idejh quddiem din il-problema tant sensittiva għal diversi familji,

Din iż-żieda fl-għoli tal-ħajja ilna narawha għal dawn l-aħħar xhur hekk kienu reġistrati żidiet fil-prezz tal-ħobż, il-butir u prodotti tal-ħasil. Filwaqt li fl-aħħar il-konsumatur esperjenza żieda fil-prezz tal-prodotti tal-ħalib… żieda li tvarja bejn 10 ċenteżmi u €2.60ċ. B’ħafna qed jaraw iż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa li ta l-Gvern ta’ Robert Abela fl-aħħar budget bħala daħka fil-wiċċ.

Intant…il-ġimgħa li għaddiet… l-għaqda YMCA qalet li l-ikbar problema li qed twassal għal persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, hija dik finanzjarja, hekk kif il-paga li għandhom mhux tlaħħaq sal-aħħar tax-xahar.