Lokali

“Il-Gvern għandu jkun ċar dwar x’inhi s-sitwazzjoni tal-Air Malta” – PN

Ritratt: Matthew Tabone

“Is-silenzju u l-ħabi minflok djalogu tal-Gvern fuq l-Air Malta issa laħaq assurditá kbira – anke għall-istandards ta’ Gvern li waddab il-prinċipji kollha ta’ trasparenza barra mit-tieqa.”

Dan intqal mill-Kelliem tal-PN għall-Finanzi, Mario de Marco, fi stqarrija maħruġa f’isem il-PN fejn tirreferi għal rapporti fuq il-media li l-Kummissjoni aċċettat biss “parti żgħira” mill-pakkett ta’ għajnuna li talab il-Gvern għall-Air Malta.

L-istqarrija tkompli li bl-aġir tal-Gvern li jkompli jeskludi lil kulħadd mill-proċess biex tiġi salvata l-Air Malta, inkluż l-ogħla l-istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, iżda wkoll unjins u ħaddiema, il-Gvern qed ikompli jħalli jgħixu fid-dubju l-mijiet ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn din il-kumpanija. Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjeta’ sħiħa ma’ dawn il-ħaddiema li qed jinżammu fl-għama minn dan il-Gvern ta’ ħabi. 

Għaldaqstant, kemm fl-interess tal-ħaddiema, iżda wkoll għall-futur tal-industrija tat-turiżmu, f’perjodu kruċjali li din qed tistinka biex tibda tirpilja mid-daqqa tal-pandemija, il-Gvern għandu jkun ċar dwar x’inhi s-sitwazzjoni tal-Air Malta. Wasal iż-żmien li Robert Abela jiddeċiedi u mhux jipposponi għal wara l-elezzjoni. 

L-Oppożizzjoni tappella lill-Ministru tal-Finanzi biex jirreferi kemm jista’ jkun malajr lill-Parlament dwar din is-sitwazzjoni: hekk titlob id-demokrazija, iżda aktar u aktar hekk jitlob ir-rispett lejn dawk kollha li l-għaxja ta’ kuljum tagħhom tiddependi fuq il-futur tal-linja tal-ajru nazzjonali.