Lokali

“Il-kirjiet għolja u l-pagi baxxi mhux jgħinu”

Huma ħafna l-isfidi li jsibu ma wiċċhom dawk li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, b’mod partikolari sfidi biex jidħlu lura fis-soċjetà. Madankollu l-problema tal-għoli tal-ħajja u l-pagi baxxi huma sfidi ewlenin għal dawn l-individwi.

Dan ħareġ waqt żjara li Net News għamel f’Dar Leapaldo fil-Gżira; residenza li tagħti l-għajnuna lil bosta irġiel u li taqa’ taħt il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, b’ħidma ma taqta’ xejn fil-konfront ta’ dawk li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Dan l-istazzjon tkellem ma’ Andrew Cauchi, koordinatur tal-istess dar, illi spjegalna aħjar ix-xogħol li jsir f’din ir-residenza. Kif ukoll il-problemi li jiffaċjaw dawn il-persuni.

Wieħed ma jistax jinnega li l-prezzijiet huma li huma u nsibu każi ta’ persuni li ġew hawn għax is-sid tefahom ‘il barra għax ma setgħux iħallsu l-kera, dan minħabba li d-dħul tagħhom ma jleħħaqx mal-ispejjeż”

Ħadna wkoll l-opportunità li nitkellmu ma’ Tracy Vella, koordinatur tal-istess dar u kif ukoll ta’ Dar Tereża Spinelli – dar li tiffoka l-għajnuna tagħha fuq l-ommijiet u uliedhom.

“L-isfidi li qed niltaqgħu magħhom qed isuru għax id-dinamika tas-soċjetà qed tinbidel, allura l-isfidi dejjem qed jikbru, fejn qabel kont twassal bil-paga sal-aħħar tax-xahar, din saret sfida wkoll. Aħna ngħinu lir-residenti fuq skill, kif b’dak li għandi jien nista’ ngħix b’mod dinjituż xorta.”

Il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem – li bħala chairperson għandha lil Patri Karmenu Aquilina – fl-aħħar snin irnexxielha tgħin ‘il fuq minn 2,000 persuna, bil-maġġoranza tagħhom tgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà wara li jkunu għaddew minn bosta esperjenzi iebsa, inkluż vjolenza, faqar, kemm dawk soċjali u anki dak edukattiv u anki esklużjoni soċjali.