Coronavirus Lokali

“Il-miżuri li se jidħlu fis-seħħ se jkomplu jgerrxu l-ħaddiema” – l-ACE

Filwaqt li kkonfermat li taqbel mal-introduzzjoni tal-miżuri biex jitnaqqsu l-każi attivi, l-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering Maltija (ACE) tħoss li dawn l-istess miżuri m’għandhomx ikunu ta’ detriment għall-industrija tal-Catering.

L-ACE qiegħda ssostni li xi restrizzjonijiet u miżuri mħabbra li se jidħlu fis-seħħ mis-17 ta’ Jannar li ġej se jżidu l-pressjoni fuq l-industrija li diġà ħadet daqqa ta’ ħarta matul din il-pandemija.

Fost dawn l-ACE ssemmi l-possibbiltà li min iħaddem jitlef ħaddiema li mhumiex imlaqqmin meta l-industrija diġà qiegħda tbati minn riżorsa umana. L-Assoċjazzjoni tirrimarka wkoll dwar il-fatt li l-industrija ma taffordjax kejl li jiddistingwi b’mod diskriminatorju ċertifikat tal-vaċċin barrani minn dak maħruġ minn pajjiżna.

L-ACE tkompli tgħd li jkun inutli li jiġu implimentati miżuri li ma jistgħux jiġu mħarsa u għalhekk qiegħda ssejjaħ lis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika biex filwaqt li żżomm f’moħħha l-isfidi li tinsab għaddejja minnhom din l-industrija, tikkunsidra mill-ġdid il-miżuri proposti.

L-Assoċjazzjoni qed tappella lill-awtoritajiet biex jiżdied l-infurzar fil-konfront ta’ persuni li jabbużaw mill-kwarantina għax jekk se jibqa’ jkun hawn dawn l-abbużi u ċertu miżuri mhumiex se jiġu rikunsidrati, se nkomplu ngħawru fil-ferita tal-industrija tal-Catering.