Coronavirus Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jirtira l-miżuri li se jiddaħħlu fis-17 ta’ Jannar

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-gvern biex jirtira l-miżuri li se jiddaħħlu fis-17 ta’ Jannar, li effettivament jagħmlu l-booster tal-vaċċin obbligatorju.

Meta wieħed iqis li iktar minn żewġ terzi tal-pajjiż diġà ħadu l-booster u l-Omicron qed jsir ir-razza dominanti f’Malta, il-PN jemmen li l-miżuri m’għadhomx jilħqu l-bilanċ adekwat bejn is-saħħa pubblika u l-libertajiet tan-nies.

Filwaqt li l-PN jappoġġja bis-sħiħ il-parir tal-professjonisti tas-saħħa biex jittieħed il-vaċċin u l-booster – kemm għal raġunijiet ta’ sigurtà personali kif ukoll is-saħħa pubblika – il-partit jemmen ukoll fid-drittijiet tan-nies li jieħdu d-deċiżjoni għalihom infushom, speċjalment fil-kuntest li qed jinbidel fil-pandemija.

Dawk li huma xettiċi dwar il-booster jaf ikunu aktar konvinti minn parir mediku minn tabib tal-fiduċja tagħhom milli billi jkunu sfurzati mill-gvern. Il-PN jinsab fiduċjuż li meta jingħataw l-informazzjoni t-tajba, in-nies ikunu responsabbli fl-għażliet u fl-attitudnijiet tagħhom, filwaqt li jkunu aktar rispettużi lejn ħaddieħor, speċjalment dawk li huma vulnerabbli.

Il-PN jinnota li l-miżuri, li ħafna jqisuhom bħala eċċessivi u diskriminatorji, se jżidu wkoll piż ieħor fuq min iħaddem li diġà qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar fil-provvista tax-xogħol, żieda fl-ispejjeż u burokrazija miżjuda.

Il-miżuri joħolqu wkoll diffikultajiet bla bżonn għal dawk li għadhom ma rċevewx stedina biex jieħdu l-booster, bħal żgħażagħ ta’ bejn il-15 u t-18-il sena jew persuni li kellhom il-Covid jew kienu mwaħħla fil-kwarantina u ma setgħux jieħdu l-booster fil-ħin.

Il-PN jemmen li anke jekk il-gvern qed jippjana li jżomm dawn il-miżuri, irid ikun ferm aktar trasparenti fix-xjenza li fuqha qed jibbaża dawn id-deċiżjonijiet u jispjega għaliex Malta marret lil hinn mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi anke f’dak li għandu x’jaqsam mat-tul permess bejn vaċċin u booster. 

Il-PN itenni t-talba tiegħu biex il-kits ta’ self-testing isiru legali u disponibbli, hekk kif in-numru ta’ każijiet attivi jiżdied u l-call centres u l-faċilitajiet pubbliċi tal-ittestjar isiru aktar diffiċli biex jiġu aċċessati.