Lokali

“Il-poplu Malti għandu jsemma’ leħnu għall-mod kif qed imexxi Robert Abela” – PN

“Wara li minħabba n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet minn Robert Abela qed nesperjenzaw ħsarat kbar fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, il-poplu Malti għandu jqum u jsemma’ leħnu… u jgħid b’mod ċar li jrid Gvern ġdid fl-elezzjoni li jmiss.”

Kien dan il-messaġġ tal-kandidat tal-PN Ivan J. Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet li analizzat is-sentejn ta’ tmexxija ta’ pajjiżna mill-Prim Ministru Robert Abela, b’Ivan Bartolo jgħid illi Malta għandha sfida ewlenija –  dik li terġa’ ssib lilha nnifisha.

Fl-istess konferenza, il-kandidat Nazzjonalista Alex Perici Calascione saħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela falla milli jgħin lin-negozji Maltin. U apparti minn hekk… qed iwassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jħallas għan-nuqqas ta’ deċiżjonijiet li ħa l-Prim Ministru stess; fosthom dik tal-għoli tal-ħajja.

Il-kandidata Nazzjonalista Janice Chetcuti minn naħa tagħha qalet li Partit Nazzjonalista fil-Gvern immexxi minn Bernard Grech se jkun qed jiġġieled l-impunità, jara li l-pajjiż jiffunzjoni bl-istess mod għal kulħadd filwaqt li mhux biss iwiegħed iżda jwettaq dak li jgħid… u jassigura li l-istituzzjonijiet jaħdmu kif suppost, mingħajr ebda ndħil.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lil kull individwu isemma leħnu, biex issir il-bidla bżonnjuża li tant għandu bżonn pajjiżna ….sabiex il-poplu jerġa’ jkollu livell ta’ għixien u r-rispett li jixraqlu.