Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad l-isfida legali ta’ Cassola dwar il-mekkaniżmu tal-kwota tal-ġeneru fl-elezzjoni

Il-Qorti ċaħdet kawża kostituzzjonali mressqa mill-kandidat indipendenti Arnold Cassola kontra l-gvern dwar il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru approvat mill-parlament f’April li għadda. Cassola kien sostna li l-emendi kostituzzjonali approvati fil-parlament huma diskriminatorji favur “nisa tal-PNPL” u kontra n-nisa l-oħra kollha li mhumiex affiljati ma’ wieħed miż-żewġ partiti l-kbar.

“Agħar minn hekk, huwa insult magħmul flimkien mill-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista,” kien qal Cassola. L-Imħallef ċaħad l-argument tal-Avukat tal-Istat li l-azzjoni mressqa minn Cassola kienet waħda “vaga” iżda l-Imħallef Franceso Depasquale, li jippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, laqa’ l-argument li Cassola ma kellux l-interess ġuridiku meħtieġ.

L-Imħallef iddeċieda li l-azzjoni ta’ Cassola kienet “ibbażata biss fuq eventwalità u suppożizzjonijiet u hija nieqsa mill-elementi personali u attwali li huma essenzjali għall-interess ġuridiku f’azzjoni abbażi tal-Kostituzzjoni, kif ukoll status ta’ vittma meħtieġa għal kull azzjoni abbażi ta’ il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.”

Il-Qorti qablet ukoll mal-Avukat tal-Istat li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u d-drittijiet li joħorġu minnha ma jistgħux jiġu applikati għal liġijiet ta’ natura nazzjonali, bħal dawk li jirregolaw l-elezzjonijiet, li Cassola kien qed jipprova jikkontesta.

Il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Cassola, u ordnatlu wkoll ibati l-ispejjeż tal-kawża. Il-mekkaniżmu tal-kwota tal-ġeneru kine approvat mit-tielet qari f’April li għadda wara li 63 MP vvutaw favur, filwaqt li tnejn vvutaw kontra. Il-kwota tfisser li jekk is-sess sottorappreżentat ikun jinkludi inqas minn 40% tas-siġġijiet kollha wara li jkun magħruf ir-riżultat tal-elezzjoni, il-mekkaniżmu jidħol biex jeleġġi massimu ta’ 12-il deputat addizzjonali – sitta fuq kull naħa tal-Kamra. Dan jibda biss jekk jiġu eletti żewġ partiti fil-parlament u jibqa’ fis-seħħ għal 20 sena.