Lokali

“In-nuqqas ta’ ħaddiema kawża tal-Covid qed iħalli impatt fuq l-operat ta’ diversi kumpaniji” – MEA

Survey li sar mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fost il-membri tagħha wera kif in-nuqqas ta’ ħaddiema kawża tal-pandemija tal-Covid qed iħalli impatt fuq l-operat ta’ diversi kumpaniji. L-istħarriġ inkluda firxa ta’ kumpaniji li joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija.

32% mit-325 persuna li ħadu sehem f’dan is-survey qalu li kellhom nuqqas ta’ 15% tal-ħaddiema li ħalla impatt fuq il-ħidma tal-kumpanija.

58% ta’ dawk li wieġbu qalu li qed isolvu l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema permezz tat-teleworking, filwaqt li 51% qalu li kellhom jirrikorru għal tnaqqis fl-operat.

L-MEA qalet li l-fatt li ż-żieda fl-għadd ta’ każijiet pożittivi tal-Covid matul l-aħħar tliet ġimgħat affettwa wkoll l-għadd ta’ impjegati li kienu f’kuntatt ma’ każijiet pożittivi, wassal għal żieda drammatika f’nuqqas ta’ ħaddiema minħabba l-kwarantina.

Dan in-nuqqas fl-operat ta’ diversi kumpaniji se jkollu impatt negattiv fuq il-GDP u l-finanzi tal-Gvern, peress li l-wage suppliment se jkollhom jiġi estiżi għal mill-inqas l-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MEA qed tappella lill-awtoritajiet sabiex jeżaminaw mill-ġdid b’mod kostanti l-miżuri li qed jittieħdu biex tkun salvawardjata s-saħħa pubblika, fosthom it-tul tal-kwarantina, biex jiġi żgurat li jkunu proporzjonati mar-riskju fil-livell tal-pandemija.