Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson – għall-ewwel darba – ammetta li kien attenda festin li fih kien tqassam ix-xorb alkoħoliku, fi żmien meta l-pajjiż, fl-2020, kien għaddej mill-ewwel lockdown relatat mal-pandemija.
Meta tkellem waqt is-sessjoni ta’ ‘Question Time’ fil-Parlament, Johnson talab apoloġija bla riservi, iżda fl-istess ħin sostna li hu ħaseb li kien qed jattendi xi avveniment irrelatat max-xogħol.
Sadanittant, l-Oppożizzjoni Laburista fil-House of Commons qed issejjaħ għar-riżenja ta’ Johnson minn Prim Ministru. Il-Kap Laburista Keir Starmer u deputati oħra ikkuntestaw il-kummenti ta’ Johnson fost xettiċiżmu ‘dwar kif hu seta’ ħaseb li l-festin seta kien irrelatat għal xi attività tax-xogħol’.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku, intant, qed jistenna r-riżultati ta’ inkjesta dwar il-każ. Dan wara li x-xhieda sostnew li Johnson u martu Carrie kienu fost xi 30 persuna preżenti għall-festin li kien sar f’Mejju tal-2020. Dak iż-żmien kien ipprojbit li persuna tiltaqa’ ma’ aktar minn persuna oħra fuq barra u meta r-Renju Unit kien qed jikkumbatti mal-ewwel fażi tal-pandemija.
//= $special ?>