Internazzjonali

Kanada: Il-provinċja ta’ Quebec timponi taxxa relatata mas-saħħa għal kulmin ma ħax it-tilqima kontra l-Covid

Il-provinċja Kanadiża ta’ Quebec se tibda timponi taxxa ‘tas-saħħa’ għar-residenti li ma tlaqqmux kontra l-Covid-19.  Dan meta l-awtoritajiet fi Quebec ( il-provinċja fejn il-maġġoranza tar-residenti jitkellmu bil-Franċiż) irreġistraw l-ogħla ċifri ta’ vittmi tal-Covid minn fost il-provinċji kollha tal-Kanada.

Fl-istess ħin, il-provinċja ta’ Quebec, bħalissa, għaddejja minn spinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid, bis-servizzi tas-saħħa lokali qed ikollhom iġorru piż sinifikanti f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Il-Prim Ministru ta’ Quebec, Francois Legault, issa, sostna li l-provinċja tiegħu se tkun l-ewwel waħda Kanadiża li għandha timponi l-pieni penali għar-residenti li qed jirrifjutaw il-vaċċin. Huma biss xi 13 fil-mija tar-residenti fi Quebec li ma ħadux it-tilqima, b’dan is-segment tal-poplu jikkostitwixxi madwar terz tal-pazjenti li spiċċaw l-isptar minħabba l-effetti tal-Covid.

Skont id-data federali, ‘il fuq minn 85 fil-mija tar-residenti fi Quebec laħqu ħadu talanqas tilqima waħda kontra l-Covid sal-Ewwel ta’ Jannar. U issa l-Prim Ministru Legault qed jagħmilha ċara li kull ċittadin ta’ Quebec li ma ħax l-ewwel doża tal-vaċċin se jkun meħtieġ li jħallas kontribuzzjoni.

It-taxxa inkwistjoni ma kenitx stabbilita bħala ‘valur’, iżda mifhum li għandha tkun waħda sinifikanti.

Il-Prim Ministru Legault sostna li ‘din it-taxxa hi waħda ġusta meta wieħed iqis li mad-90 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Quebec għamlu s-sagrifiċċji u tlaqqmu bil-għan li jnaqqsu mill-qilla tal-pandemija’.

Dan meta l-awtoritajiet fi Quebec, jiem ilu, ħabbru li persuna tkun trid tipproduċi l-provi li tlaqqmet kontra l-Covid biex tkun tista’ tixtri mill-ħwienet tal-Gvern li jbiegħu il-kannabis u mill-istabbilimenti tax-xorb.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ta’ Quebec qed jimponu curfew – it-tieni waħda tal-pandemija – fil-provinċja u li qed iddum  mill-10 pm sal-5 am, kuljum.

Fi żviluppi oħra, l-Italja waqqfet rekord nazzjonali ġdid wara li l-awtoritajiet tas-saħħa rnexxielhom jagħtu ‘il fuq minn 686,000 tilqima kontra l-Covid-19 fil-ġurnata tat-Tlieta. L-imlaqqmin partikulari jinkludu 77,500 li ħadu l-ewwel tilqima, fosthom 48,000 tfal u 22,500 persuna ta’ 50 sena jew akbar.

Il-ħajja fl-Italja qed issir dejjem aktar diffiċli għaċ-ċittadini li ma tlaqqmux kontra l-Covid u l-varjanti tiegħu. Dan meta l-Gvern qed jinsisti biex in-nies li jridu jattendu għall-attivitajiet kulturali, sportivi u ta’ divertiment jipproduċu ‘bilfors’ iċ-ċertifikat magħruf bħala ‘Super Green Pass’ biex juru li huma tlaqqmu kontra l-Covid inkella li laħqu fiequ mill-infezzjoni fl-aħħar sitt xhur, Iċ-ċertifikat hu anki neċessarju għat-Taljani li jridu jużaw is-servizzi tal-metro jew biex jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja, il-vapuri u l-ajruplani.

Fl-Italja saret anki obbligatorja biex in-nies kollha minn 50 sena ‘il fuq ikunu vaċċinati kontra l-Covid sal-15 ta’ Frar li ġej.