Lokali Saħħa

Kif ġie approvat il-kuntratt ta’ €163,000 fis-sena li ta Chris Fearne?

Il-Ministru tas-Saħħa jagħti kuntratt lussuż lill-canvasser tiegħu, Carmen Ciantar, bħala Kap Eżekuttiv tal-FMS

Il-Viċi Prim Ministru, Chris Fearne, ta kuntratt lussuż ta’ €163,000 fis-sena lill waħda mill-campaign managers tiegħu, Carmen Ciantar, lura fl-2019 bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, fondazzjoni li taqa’ direttament taħt id-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa.

Dan l-isem ġie żvelata mis-sit tal-aħbarijiet The Shift wara li l-Awditur Ġenerali kien għamel riferenza indiretta għaliha fir-rapport tiegħu meta qal li dan il-kuntratt kien wieħed irregolari għaliex id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista ma kienx intitolat li jagħti lill-canvasser tiegħu kuntratt ta’ ħames snin bħala person of trust.

B’hekk Ciantar hija waħda mill-ogħla uffiċċjali impjegati mal-Gvern b’paga għolja hekk kif fuq 5 snin, se tkun qed iddawwar €700,000.

L-unika uffiċċjali li huwa magħruf li jaqla’ aktar minn Carmen Ciantar huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-eks Prim Ministru, Joseph Muscat.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħra fuq istruzzjonijiet diretti tal-Ministru, Chris Fearne, Carmen Ciantar se titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju tal-Ministru tagħha.

Ma’ dawn Ciantar għandha bosta perkaċċi fosthom bonus annwali ta’ 20% li jrid ikun approvat minn Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ 51 sena jistma lill-kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.

Chris Fearne kien diġà ħatarha Kap Eżekuttiv tal-istess Fondazzjoni fl-2016 għal 3 snin iżda dak iż-żmien kellha kuntratt orħos minn tal-lum ta’ €80,000 fis-sena iżda eżatt qabel skadielha l-kuntratt, Fearne ta’ żieda sostanzjali fil-paga fi żmien li l-canvasser tiegħu kienet qed tagħti l-appoġġ tagħha lill-kampanja ta’ Fearne għall-Mexxej tal-Partit Laburista.

Carmen Ciantar serviet f’bosta strutturi tal-Partit Laburista, fosthom fl-Għaqda Nisa Laburisti u qabel ma qabżet fuq il-karru ta’ Chris Fearne qabel l-elezzjoni tal-2017, kienet ilha Kap Eżekuttiv tal-ARMS sa minn meta tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fl-2013, dak iż-żmien taħt id-dekasteru tal-eks Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi.

Apparti x-xogħol tagħha mal-FMS, Carmen Ciantar ġiet appuntata gvernatur tal-Awtorità Maltija tal-Gaming, li għaliha titħallas onorarja oħra.