Coronavirus Internazzjonali Saħħa

“Kulħadd se jlaqqatha bl-Omicron” – Anthony Fauci

Dawk li ħadu t-tilqima u l-booster, għandhom inqas possibbiltà li jidħlu l-Isptar u wisq anqas jitilfu ħajjithom

“It-tixrid tal-varjant tal-Omicron huwa bla preċedent u wisq probabbli kulħadd se jlaqqat il-COVID-19, iżda dawk li ħadu t-tilqima u l-booster, għandhom inqas possibbiltà li jidħlu l-Isptar u wisq anqas jitilfu ħajjithom.”

Saħaq dan Anthony Fauci, il-konsulent ewlieni tas-Saħħa tal-President Amerikan, Joe Biden, li rrimarka kif dawk li jagħżlu li ma jieħdux it-tilqima tal-COVID-19 se jispiċċaw iħallsu prezz qares. Minkejja dan huwa spjega kif l-Istati Unit bħalissa tista’ tkun għaddejja minn żmien ta’ tranżizzjoni li warajh, huwa possibbli li wieħed jgħix bil-COVID-19.

Intant, il-Ġermanja rreġistrat rekord ġdid ta’ każijiet hekk kif aktar minn 80,000 persuna rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 fl-aħħar 24 siegħa, filwaqt li ġew irreġistrati ftit anqas minn 400 mewta f’dan il-perjodu.

Il-Korea t’Isfel approvat it-tilqima tal-kumpanija Novovax sabiex tibda tiġi amministrata lill-poplu tal-pajjiż u se timporta l-pillola tal-kumpanija Pfizer, il-Paxlovid, sabiex tintuża fi trattamenti mediċi għal kontra l-COVID-19 sabiex tkun tista’ trażżan l-isplużjonijiet ta’ każijiet tal-Omicron.