Lokali Qorti

Kumpens ta’ €18,700 wara li ntlaqat minn karozza fuq il-post tax-xogħol

Sewwieq ġie ordnat jagħti kumpens ta’ €18,700 wara li ammetta li rriversja u għaffeġ saqajn raġel. L-inċident seħħ fis-26 ta’ Settembru 2015 meta Joseph Bugeja kien qiegħed fuq xogħolu fil-fabbrika tal-ħalib, fl-istazzjon tal-MDP li jirċievi l-ħalib mir-raħħala ta’ Malta kollha,

Mill-provi rriżulta li George Fava irriversja u għaffeġ u għattan riġlejn Marco Joseph Bugeja u kkawżalu ħsara
permanenti fil-funzjoni tal-ġisem. Bugeja kien fetaħ il-kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Fava u l-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu bil-każ jinstema’ quddiem l-Imħallef Toni Abela.

Fava mhux biss ammetta t-tort iżda rreġistra l-ilment mal-kumpanija tal-assikurazzjoni. It-tentattivi barra l-Qorti biex jintlaħaq ftehim dwar kumpens fallew u kien għalhekk li Bugeja fetaħ il-kawża. Iż-żewġ partijiet qablu li l-vittma, li dakinhar kellu 43 sena, ġarrab diżabilità permanenti ta’ 4%.

Il-vittma kellu telf ta’ qligħ attwali kif ukoll telf ta’ qligħ futur minħabba d-diżabiltà permanenti u dan minħabba li hu ġie ristrett fl-attività tiegħu anke ta’ natura f’saħħtu u ta’ xogħol temporanju li kien jagħmel bħalma huwa x-xogħol ta’ handyman u ta’ bajjad li kultant kien jaħdem barra x-xogħol tiegħu mal-Malta Dairy Products.

Wara li kkunsidrat dan il-persentaġġ ta’ diżabilità u s-snin li kien għad baqalu jaħdem il-vittma, l-Imħallef Abela wasal għas-somma ta’ €18,700 u ordna lil Fava jħallas dan l-ammont lil Bugeja. Il-Qorti ħadmet il-kumpens b’dan il-mod fejn illikwidat s-somma ta’ €12,800. (Dan inħadem b’dan il-mod: 330x52x22 fuq il-paga bażika fuq 22 sena, 75,504 (lump sum bit-20%) =302,01 u 4% ta’ din issomma (rata ta’ dizabilita)= 12,800).

Ma dawn iridu jingħaddu €1,600 danni emerġenti, €2,500 f’overtime u €1,800 għall-inflazzjoni. B’kollox -ammont likwidat għalhekk hu ta’ €18,700.