Lokali Saħħa

Victor Calvagna jingħata l-aħħar tislima fil-Bażilika tal-Mosta

Għall-ħabta tat-3.15pm, wasal il-korteo bit-tebut tal-fundatur ta’ Puttinu Cares u l-konsulent mediku tal-kanċer, Victor Calvagna, biex jingħata l-aħħar tislima fil-Bażilika Rotunda ta’ Santa Marija fil-Mosta, liema funeral qed jixxandar b’mod dirett fuq NET Television u www.netondemand.mt.

Ritratt: Matthew Tabone

Mal-wasla tiegħu, it-tebut li kien miksi bil-bandiera tal-Mosta ntlaqa’ minn għadd ta’ familjari, ħbieb u pazjenti tiegħu fuq iz-zuntier tal-Bażilika biex imbagħad iddaħħal fil-Bażilika.

Tfal u żgħażagħ li fiequ mill-kanċer sellmu għall-aħħar darba lit-Tabib Calvagna, hekk kif dawn poġġew fjura biswit it-tebut bħala simbolu ta’ ringrazzjament għall-fejqan tagħhom.

Fost dawk li attendew għall-funeral kien hemm mart il-President ta’ Malta, Miriam Vella, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, flimkien ma’ martu Anne Marie, l-iSpeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru, Robert Abela, deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra flimkien mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Victor Calvagna miet fl-età 63 sena fl-4 ta’ Jannar li għadda wara diversi jiem jiġġieled għal ħajtu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fit-28 ta’ Diċembru fil-Qawra.