Lokali Qorti

Matthew Caruana Galizia jerġa’ jixhed dwar l-esperjenza orribbli dwar kif sab lil ommu mejta

Matthew Caruana Galizia kellu jerġa’ jirrakkonta l-esperjenza orribbli li għadda minnha dwar kif sab lil ommu mejta meta għal darb’oħra ffaċċa lill-irġiel akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil ommu. Huwa kellu jagħmel dan minħabba problema fir-recording li seħħet fit-23 ta’ Novembru li għadda quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo meta li rriżulta li x-xhieda tiegħu ma kinitx reġistrata minħabba problema teknika.

Wara xhieda kommoventi li huwa reġa’ ta, l-Maġistrat Farrugia Frendo qaltlu, ‘nispera li ma jkolliex għalfejn nerġa’ nġibek hawn’ , kumment ta’ espressjoni ta’ dieqa, minħabba rakkont xejn pjaċevoli li huwa għadda mingħalih. Matthew Caruana Galizia rrakkonta kif kien ra partijiet tal-ġisem maqtul ta’ ommu hekk kif resaq lejn il-karozza li kienet splodiet f’dik il-ġurnata fatali.

Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni qawwija ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017. Iben il-vittma ġurnalista reġa’ xhed fil-kumpilazzjoni tal-provi tal-aħwa Adrian u Robert Agius, u sħabhom Jamie Vella u George Degiorgio. Robert Agius u Jamie Vella huma akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Degiorgio qed jiffaċċja proċeduri separati fuq l-istess każ. Adrian Agius jinsab mixli wkoll li wettaq il-qtil tal-avukat Carmel Chircop f’Birkirkara, filwaqt li Vella u Degiorgio huma mixlija li wettqu l-qtil. Fix-xhieda tiegħu,  

Waqt li reġa’ għex l-esperjenza kerha, Matthew Caruana Galizia qal lill-Qorti li waqt li kien qed jiġri lejn il-karozza tagħha li kienet ħadet in-nar iltaqa’ ma’ sieq li kienet mal-art. “Għidt, bejni u bejn ruħi li din hija r-riġel ta’ ommi”.  

L-aħwa Agius, magħrufa bħala Tal-Maksar, u Vella kienu ilhom suspettati li kienu l-fornituri tal-bombi fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Huma kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017 iżda aktar tard kienu iħelsu mingħajr ebda akkuża miġjuba kontrihom.

Huma ġew arrestati fi Frar ta’ din is-sena, ftit wara li Vince Muscat, “Il-Koħħu” ammetta l-parti tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u ġie kkundannat 15-il sena ħabs. Muscat ingħata maħfra presidenzjali biex jgħid kollox dwar il-qtil ta’ Chircop u għen lill-pulizija b’evidenza ewlenija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia li poġġiet wieħed mill-aħwa Agius akkużati bid-delitt.

James Zammit, li huwa dealer tal-karozzi kien l-ewwel xhud li xehed fil-kumpilazzjoni bil-Maġistrat tordna li l-informazzjoni li kien se jagħti m’għandhiex tiġi rrappurtata fil-media. 

Adrian Agius, Robert Agius u Jamie Vella huma assistiti mill-avukati Alfred Abela, Rene Darmanin u Ishmel Psaila. George Degiorgio huwa assistit mill-avukat William Cuschieri. L-avukat Alan Zerafa f’isem il-familja ta’ Carmel Chircop. F’isem il-familja Caruana Galizia qegħdin jidhru l-Avukat Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. Il-kumpilazzjoni tkompli fil-25 ta’ Jannar fis-1.00pm.