Lokali

Rapporti jindikaw li Abner Aquilina ġie rilaxxat minn Monte Carmeli

Rapporti fil-media qed jindikaw li Abner Aquilina ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Carmeli. Aquilina li għandu 20 sena huwa s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Paulina Dembska li seħħ f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar li għadda.

Jekk dawn ir-rapporti huma veritiera, huwa mistenni li Abner Aquilina jiġi interrrogat mill-Pulizija fis-sigħat li ġejjin. Aquilina għandu passat xejn sabiħ, fosthom problemi serji ta’ saħħa mentali.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena residenti ż-Żejtun, wara li allegatament wettaq il-qtil, mar jiġri lejn il-Knisja tal-Karmnu fil-Balluta, fejn tela’ fuq l-artal u beda jwerżaq qabel ma qaleb is-Sedja u l-Ambone. Hemm, hu anke beda jgħajjat lin-nies biex joqgħodu ‘l bogħod minnu, inkella joqtolhom.

Dan seħħ eżatt qabel il-quddiesa tas-6am – jew ftit minuti qabel ma l-Pollakka nstabet bla ħajja ftit metri ‘l bogħod.

L-awtopsja li saret fuq il-katavru ta’ Paulina Dembska kkonfermat li l-vittma ġiet stuprata u kellha wkoll marki li ġiet fgata. Dan kien każ li xxokja pajjiż sħiħ…b’numru kbir ta’ persuni, il-gimgha l-ohra, ingabru f’tas-Sliema biex isellmu l-memorja ta’ din it-tfajla ta’ 29 sena.

Dembska inqatlet fi Gnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema – l-istess post illi fih, b’mod regolari, kienet tmur titma’ lill-qtates.

Dwar il-każ għadha għaddejja l-Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima, filwaqt li aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.