Futbol Sport

Real Madrid jegħlbu lil Barcelona u jiksbu post fil-finali tas-Super Cup

Fil-King Fahd Stadium fl-Arabja Sawdija Real Madrid kisbu post fil-finali tas-Super Cup Spanjola meta għelbu lil Barcelona 3-2, wara l-ħin barrani. Kienu Real Madrid li marru fil-vantaġġ fil-25 minuta meta minn pass ta’ Karim Benzema kien Vinicius Jr. li għeleb lil Andre Ter-Stegen għal 1-0. Barcelona irreaġixxew minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kien Luuk de Jong li approfitta fuq nuqqas ta’ Eder Militao u kkonkluda fix-xibka għal 1-1.

Real Madrid reġgħu marru fil-vantaġġ fit-72 minuta meta minn cross fil-baxx ta’ Carjaval kien l-attakkant prolifiku Karim Benzema li tefa’ ġewwa mill-viċin għal 2-1. Madanakollu, Barcelona għal darb’oħra kisbu d-draw fit-83 minuta meta minn cross ta’ Jordi Alba kien Ansu Fati li bir-ras xeħet wara Thibaut Courtoius għal 2-2.

Bil-partita tmur għal ħin barrani, kienu Real Madrid li skorjaw il-gowl deċiżiv fit-98 minuta, meta minn kontrattakk veloċi kien Federico Valverde li mill-viċin xeħet fix-xibka għal 3-2.

SUPER CUP

Illum: Real Madrid v Barcelona 3-2, Għada: Atletico Madrid v Atlethic Bilbao 8.00pm