Sport Waterpolo

San Ġiljan jixxalaw taħt xita persistenti

Sirens jirbħu fl-aħħar sessjoni

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES………………………………….. 8

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…. 15

(1-5), (2-4), (1-4), (4-2)

F’temp tipikament xitwi, b’xita li ma qatgħet xejn tul il-logħba, San Ġiljan Mercury Towers iddominaw u ġabu fix-xejn lil Neptunes b’rebħa b’distakk ta’ seba’ gowls. Għalkemm wieħed ma jridx inaqqas mill-mertu tal-Ġiljaniżi, Neptunes kienu mingħajr il-plejers influwenti Stevie Camilleri, Jake Muscat, Jeremy Abela u Michael Spiteri Staines. San Ġiljan kellhom nieqsa lil Ben Plumpton, Andreas Galea u Jake Bonavia.

Bidu b’saħħtu minn San Ġiljan u meritatament rebħu l-ewwel sessjoni. Lob ta’ Darren Zammit u xutt minn qagħda ideali ta’ Nikolai Zammit, taw vantaġġ doppju lil San Ġiljan. Mark Castillo naqqas id-distakk mis-centre iżda l-Ġiljaniżi ħadu vantaġġ min-nuqqasijiet ta’ markament tal-avversarji u skorjaw tliet darbiet oħra. Jispikka l-gowl tal-4-1 ta’ Nicholas Bugelli li rebaħ il-ballun u avvanza tul il-pixxina qabel għeleb lil Alan Borg Cole.

Għalkemm Neptunes tjiebu ftit fl-ewwel parti tat-tieni sessjoni, San Ġiljan komplew jiddominaw u kabbru l-vantaġġ bi tliet gowls konsekuttivi minn Bugelli u Nikolai Zammit għal vantaġġ ta’ 9-3.

It-tim ta’ Dorian Pisani neħħa kull dubju mir-riżultat fit-tielet sessjoni, kawża ta’ faċilità biex isibu x-xibka minħabba spazji żejda fl-attakk. Matthew Zammit saħansitra sab iċ-ċans li jqabbeż minn fuq Borg Cole minn pożizzjoni ċentrali. Neptunes tal-anqas irnexxielhom inaqqsu d-distakk fl-aħħar sessjoni għalkemm ftit tappnet id-dominanza tal-Ġiljaniżi fil-ġurnata.

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit, S. Gialanze, G. Pace, J. Cachia (1), J. Spiteri Staines (1), M. Castillo (2), J. Camilleri (1), R. Galea, E. Mallia, A. Fenech (2), B. Zammit, S. Mifsud, D. Bugeja, L. Mallia (1)

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (5), K. Grech, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (1), M. Ortoleva (2), D. Tully (3), N. Zammit (3), Da. Zammit (1), N. Schiavone, G. Vassallo, f. Scardino, L. Montebello Brownrigg

Referees: Massimo Angileri, Peter Balzan

MARSASKALA FISH AND FISH…….. 6

SIRENS MECCA MARIN……………….. 12

(2-0), (3-5), (1-4), (0-6)

Sirens Mecca Marin kellhom bżonn l-aħħar sessjoni biex għelbu l-isfida ta’ Marsaskala Fish and Fish 12-6. L-iskor finali ma jagħmilx ġustizzja mal-Iskalin li għal ħafna ħin saħansitra kellhom il-vantaġġ fil-logħba.

Marsaskala fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni permezz ta’ Jake Ciantar u Paul Privitera. Malcolm Manara saħansitra għamilhom tlieta fit-tieni sessjoni iżda minn hemm Sirens stenbħu u ġabu d-draw b’gowls ta’ Jacob Sciberras u John Napier bejniethom.

Gowl sabiħ ta’ Gerald Sammut mis-centre u xutt preċiż ta’ Privitera minn pożizzjoni ċentrali, taw vantaġġ ta’ 5-3 lil Marsaskala. Iżda Sirens irnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ sa qabel tmiem it-tieni sessjoni. Il-bilanċ baqa’ jirrenja fil-logħba u ma kinitx sorpriża li l-iskor baqa’ indaqs fit-tielet sessjoni.

Iżda fil-bidu tal-aħħar sessjoni, Marsaskala pprotestaw mat-tmexxija tal-logħba hekk kif saħqu li Paul Privitera seta’ jidħol jilgħab iżda skont it-tmexxija tal-logħba, ma kienx għadu għadda l-ħin kollu tat-tkeċċija. Mill-man-up, Matthias Azzopardi poġġa lil Sirens minn fuq. Minn dik l-azzjoni, l-għajja bdiet dieħla fit-tim ta’ Marsaskala, b’Sirens jieħdu vantaġġ totali.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera (2), G. Sammut (1), G. Galea, K. Navarro, M. Manara (1), D. Pace Lupi, R. Greco, J. Ciantar (1), M. Carani (1), A. Muscat

Sirens: T. Micallef, M. Chircop, K. Erdogan (2), J. Sciberras (2), J. Zerafa Gregory (1), P. Serracino, L. Falzon, I. Riolo (1), J. Napier (1), M. Cutajar, M. Sciberras, M. Azzopardi (4), O, Gauci, M. Bonnici, Z. Bartolo (1)

Referees: Stefan Licari, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

Is-Sibt

Exiles v Sliema               3.00pm

San Ġiljan v Marsaskala 4.05pm

Birżebbuġa v Neptunes   5.10pm