Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa għal mara li ffrodat missier li kien qed ifittex lil ibnu maħtuf

Mara ta’ 53 sena, mwielda Għawdex u residenti n-Naxxar ġiet immultata €1,000 u kkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstabet ħatja li ffrodat missier li kien qed ifittex lil ibnu li kien inħataf. It-tifel kien inħataf mis-sieħba barranija ta’ missieru u l-mara kkonvinċietu li kienet investigatur privat li jispeċjalizza fil-ħtif tat-tfal, meta dan ma kienx il-każ.

Grace Gatt kienet akkużata mill-Ispettur Rennie Stivala li wettqet ir-reat f’Jannar tal-2016 u fil-ġimgħat ta’ qabel u li ffrodat lir-raġel €5,000. Hija ġiet akkużata wkoll li taħdem bħala gwardjan privat mingħajr liċenzja u kisret diversi sentenzi tal-Qorti.

Fix-xhieda quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello rriżulta li, waqt li r-raġel kien għal btala mas-sieħba tiegħu u binhom fir-Repubblika Ċeka, l-omm ħatfet lit-tifel. Meta rritorna Malta, Gatt offrietlu s-servizz tagħha bħala investigatur privat u li kien ta €5,000 għas-servizzi tagħha.

L-omm inqabdet waqt li kienet qed taqsam il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus u t-tifel inġieb lura Malta wara sforzi bejn investigaturi barranin maħtura minn avukat Malti, l-ambaxxatur Malti fil-Polonja u l-Pulizija lokali u dik barranija. Il-Maġistrat Montebello irrimarkat li mill-provi rriżulta li l-missier kien iddisprat li jakkwista informazzjoni dwar fejn kien ibnu u Gatt ikkonvinċietu li kienet investigatur privat meta ma kellhiex il-kwalifiki bil-liġi.

Il-Maġistrat għamlitha ċara li ma temminx lil Gatt li qalet li ħadet il-flus biex tirrappreżentah fil-qorti tar-Repubblika Ċeka. Il-Qorti kkundannatha 18-il xahar ħabs, sospiżi għal tliet snin, u mmultatha €1,000. Gatt ġie ordnat ukoll iħallas €5,000 lill-missier fi żmien sitt xhur.

Il-mara ma nstabitx ħatja li saret reċidiva u dan minħabba li l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova li qabel
ikkommettiet ir-reat hija kienet diġa’ ġiet ikkundannata għal reat kriminali. “Kif ġie diversi drabi ritenut mill-Qrati tagħna fuq ir-reċidiva, il-fedina penali waħedha mhux biżżejjed u ma tikkostitwixxix l-aħjar prova li l-Prosekuzzjoni hi, wara kollox, marbuta li tressaq in sostenn tal-akkuża tar-reċidiva.

L-aħjar prova tikkonsisti f’kopji debitament awtentikati ta’ sentenzi li fuqhom tinsab imsejsa dan l-addebitu iżda f’ dan il-każ, hija nieqsa l-prova li qatt kien hemm xi ġudizzju preċedenti li effettivament ikkundanna lil mara għall-kommissjoni ta’ reat kriminali.

Sadanittant il-Maġistrat Montebello fis-sentenza tagħha hija ordnat lil Grace Gatt biex tħallas lill-vittma, s-somma ta’ €5,000 bħala danni b’kumpens għat-telfien soffert b’riżultat tal-kommissjoni tar-reat ta’ frodi li nstabet ħatja
tiegħu, u dan fi żmien sitt xhur. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rennie Stivala.