Lokali Qorti

Sirjan jammetti serq minn fuq żewġ anzjani u li aggredixxa lil wieħed minnhom

Żagħżugħ Sirjan ammetta quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li f’temp ta’ tliet ijiem flimkien ma’ persuna oħra wettaq żewġ serqiet minn fuq żewġ anzjani. L-ewwel serqa seħħet fit-3 ta’ Diċembru li għadda fuq anzjan ta’ 71 sena fil-Marsa. Dan meta huwa ħataf il-kartiera minn fuq il-vittma, li pprova jirreżisti s-serqa, li sfortunatament spiċċa biex weġġa’.  

Is-serqa seħħet bejn il-5.30pm u s-6.00pm. barra l-binja fi Triq il-Kapuċċini, liema serqa saret bi vjolenza u dan waqt li l-vittma kien qed jipparkja l-karozza tiegħu quddiem id-dar,  Obaid Alsaleh ta’ 21 sena, residenti l-Ħamrun ammetta wkoll li wettaq is-serqa flimkien ma’ persuna oħra u li kkaġuna feriti ħfief fuq l-anzjan, li spiċċa ukoll fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana.

Is-Sirjan, li qal lill-Qorti li jaħdem bħala kaħħal ammetta wkoll li fis-6 ta’ Diċembru mal-istess persuna l-oħra, wettaq serqa minn fuq anzjan ieħor fil-Ħamrun, li għandu 64 sena, meta ħadlu l-mobile. F’din is-serqa ma ntużatx vjolenza. L-anzjani kkonfermaw li minn wettaq is-serqa kienu żewġ persunui maskili. L-Ispettur Lydon Zammit, li flimkien mal-Ispetturi Stephen Gulia u Roderick Attard ressaq lis-Sirjan qal li Alsaleh ġie arrestat mir-residenza tiegħu wara li għarfuh minn ħwejjeġ li kien liebes u minn filmati tas-CCTV.

Is-Sirjan ġie mixli wkoll li kiser il-provedimenti ta’ sentenza sospiża mogħtija fis-16 ta’ Ġunju li għadda u li sar riċediv.  L-Ispettur Zammit qal li s-Sirjan ikkopera mal-Pulizja u tahom informazzjoni tal-persuna l-oħra li kienet miegħu u li pparteċipat fis-serqa. Fil-fatt għadha għaddejja investigazzjoni fuq il-ħalliel l-ieħor li mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Mistoqsi mill-Qorti dwar jekk hux ħati jew innoċenti, Alaseh qal li huwa kkommetta r-reati u tenna, “Mhux se nerġa’ nagħmel affarijiet bħal dawn, għax għandi wkoll tifla żgħira”. Il-Qorti nfurmatu li hemm piena karċerarja f’każijiet bħal dawn, u għalhekk ikun aħhar li jaħsibha, anke skont il-liġi, fejn jista’ jibdel l-ammissjoni tiegħu għal dik ta’ mhux ħati.

Alaseh ippersista fl-ammissjoni tiegħu bil-prosekuzzjoni tgħid li qed tħares lejn piena ta’ ħabs, u dan peress li r-reati huma gravi aktar għax saru fuq anzjani.

L-Ispettur Lydon Zammit qal ukoll li trid tingħata wkoll kunsiderazzjoni tal-fatt li Alaseh ikkopera mal-Pulizija, liema koperazzjonin wasslet ukoll għat-tieni persuna biex tiġi identifikata. L-Avukat Charmaine Cherrett li deheret għas-Sirjan qablet mal-Ispettur fuq il-punt tal-koperazzjoni, kif ukoll fuq l-ammissjoni bikrija fejn la nħela ħin tal-Pulizija u lanqas tal-Qorti.

L-Avukat qalet ukoll li għandha tingħata kunsiderazzjoni tal-fatt li l-klijent tagħha għandu età tenera u għandu tifla ta’ sena u tmien xhur. Id-difiża f’dan l-istadju għamlet talba għall-pre-sentencing report bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax.

Il-Qorti laqgħet it-talba u ħatret għal dan il-għan uffiċjal tal-probation sabiex iħejji tali rapport. Il-kawża ġiet differita għat-Tnejn, 21 ta’ Frar fin-12.30pm. Fil-frattemp is-Sirjan inżamm arrestat. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest sa dak inhar.