“Kien bniedem umli u bniedem bħalna, huwa dan il-mertu tiegħu, minkejja li kien bniedem bħalna għamel dan il-ġid kollu, u ħalla warajh opra qaddisa”
Kien dan il-mod li bih Patri Anton Briffa sellem il-memorja ta’ Victor Calvagna… hekk kif fil-Bazilika tal-Mosta l-Erbgħa waranofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lill-fundatur ta’ Puttinu Cares illi miet ftit tal-jiem ilu wara l-inċident li kellu fil-Qawra fi tmiem is-sena li għaddiet.
“Victor twieled b’qalb tad-deheb, Victor twieled minn ġuf ommu b’qalb tad-deheb”
Tul l-omelija tieghu, Patri Briffa tenna li t-tabib Victor Calvagna kien tabib b’qalb tad-deheb li fittex dejjem li jassisti u jgħin lil kulħadd. Huwa qal li t-tabib Calvagna kien mibgħut minn Alla b’missjoni preċiża – li jrodd lura l-ħajja lit-trabi u t-tfal mhedda minn mard terminali.
Għall-funeral attendew mhux biss il-qraba u l-ħbieb ta’ Calvagna, iżda wkoll bosta tfal u żgħażagħ u tul is-snin ħadu kura mingħandu. Dawn poġġew fjura biswit it-tebut bħala simbolu ta’ ringrazzjament għall-fejqan tagħhom mill-kanċer.
Preżenti għall-funeral kien hemm wkoll il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-PM, u membri miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Patri Anton Briffa tenna li f’ħajtu t-tabib Victor Calvagna refa’ dejjem ir-responsabbiltà. U dan għamlu dejjem bl-intenzjoni biex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, u minn dan l-element twaqqfet il-fondazzjoni ta’ Puttinu.
“Victor kien l-ewwel tabib li speċjalizza fil-kanċer tat-tfal u kien kofundatur biex twaqqfet Puttinu, u kien strumentali biex kibret u saret dik li hija llum”
Fi tmiem il-funeral, it-tabib Victor Calvagna, li miet fl-età ta’ 63 sena, ingħata tislima mill-isbaħ u emozzjonanti barra l-Bażilika tal-Mosta fost iċ-ċapċip ta’ dawk kollha preżenti.
“Int se tibqa’ tgħix fit-tfal li bis-saħħa tiegħek sabu ħajja ġdida”
//= $special ?>