Lokali

Abner Aquilina mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum

Abner Aquilina, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena suspettat bil-qtil ta’ Paulina Dembska li nstabet bla ħajja fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar, mistenni jitressaq illum il-Qorti għall-ħabta tas-6.30pm. Dan wara li lbieraħ, Aquilina ġie rilaxxat mill-isptar Monte Carmeli sabiex jerġa’ jitpoġġa taħt arrest ħalli jitressaq il-Qorti fi żmien 48 siegħa.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena residenti ż-Żejtun, wara li allegatament wettaq dan il-qtil brutali, mar jiġri lejn il-Knisja tal-Karmnu fil-Balluta, fejn tela’ fuq l-artal u beda jwerżaq qabel ma qaleb is-Sedja u l-Ambone. Hemm, hu anke beda jgħajjat lin-nies biex joqgħodu ‘l bogħod minnu, inkella joqtolhom.

Dan seħħ eżatt qabel il-quddiesa tas-6am – jew ftit minuti qabel ma Dembska nstabet bla ħajja ftit metri ‘l bogħod mill-Knisja tal-Balluta.

L-awtopsja li saret fuq il-katavru ta’ Paulina Dembska kkonfermat li l-vittma ġiet stuprata u fgata.

Is-suspettat f’dan il-każ – Abner Aquilina – għandu passat xejn sabiħ, inkluż problemi serji ta’ saħħa mentali. Filfatt hu ttieħed l-Isptar Monte Karmeli wara l-arrest minħabba li t-tobba li kienu qed jeżaminawh ħassew il-bżonn li dan jingħata l-kura f’dan l-isptar minflok.