Qorti

Arrestat b’rabta ma’ serq minn diversi vending machines

Raġel minn Tal-Pietà kien arrestat b’rabta ma’ serq minn diversi vending machines.

L-arrest seħħ għall-ħabta tas-2:30 tal-Erbgħa filgħodu fi Triq l-Assedju l-Kbir fil-Furjana, meta uffiċjali tal-Pulizija li kienu fuq ronda nnotaw lir-raġel ta’ 45 sena biswit vending machine ta’ pompa tal-petrol li kien jixbaħ suspettat li kien wettaq xi serq mill-istess magni.

Hekk kif il-Pulizija ordnawlu sabiex jieqaf, ir-raġel prova ħarab bil-ġiri minn fuq il-post madanakollu huwa kien arrestat ftit tal-mumenti wara u minn tfittxija li saret irriżulta li kellu fil-pussess oġġetti relatati ma’ serq.

Ftit wara saritlu wkoll tfittxija fir-residenza tiegħu fejn instabu ħwejjeġ li kien deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà..f’serq preċedenti.

Huwa mistenni jitressaq il-Qorti l-Ħamis filgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.