Internazzjonali

Covid-19: Franza tnaqqas ir-regoli għall-ivvjaġġar mir-Renju Unit….L-infettati bil-virus fl-Ingilterra huma biss kostretti għal ħamest ijiem ta’ iżolament

Franza qed tnaqqas ir-restrizzjonijiet għan-nies li jivvjaġġaw lejn l-artijiet tagħha mir-Renju Unit. Il-Gvern Franċiż ħabbar li l-persuni vaċċinati li jagħmlu dan il-vjaġġ mhumiex se jkollhom bżonn aktar li jippreżentaw il-provi għal ‘raġuni valida’ biex jidħlu fi Franza. Intant, dawn in-nies lanqas mhuma se jkollhom ħtieġa li jqattgħu żmien f’iżolament ladarba jaslu f’dak il-pajjiż.

Madankollu jinħtieġ xorta waħda li persuna li tivvjaġġa lejn Franza tkun ikkonfermat test negattiv għall-Covid li jrid jittieħed 24 siegħa qabel it-tluq mir-Renju Unit.

Il-kumpanniji tal-ivvjaġġar laqgħu tajjeb l-aħħar aħbar fost żieda sinifikanti fil-bookings ta’ titjiriet lejn ir-resorts magħrufin għall-isport tax-xitwa.

Min-naħa tagħhom, il-kumpaniji Eurostar u Brittany Ferries laqgħu tajjeb din l-aħbar – bil-Eurostar tħabbar li għandha żżid is-servizzi tagħha fil-ġimgħat li ġejjin.

Intant, il-miżuri drastiċi – inkluż l-għeluq tal-fruntieri b’kaġun tal-Covid — ħarbtu l-iskedi għal eluf ta’ passiġġieri tal-Brittany Ferries, bil-kumpanija titlef il-miljuni kbar tal-ewro b’konsegwenza.

Skont l-ABTA – li tirrappreżenta lill-kumpaniji tal-ivvjaġġar – madwar 17-il miljun ċittadin Britanniku jżuru Franza kull sena. Dan meta  Franza tibqa’ fost l-aktar destinazzjonijiet popolari mat-turisti li ġejjin mir-Renju Unit.

Franza kienet daħħlet ir-restrizzjonijiet fit-18 ta’ Diċembru f’tentattiv biex tnaqqas il-firxa tal-varjant Omicron Dan il-pajjiż għadu qed jikkumbatti spinta fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 u meta nhar il-Ħamis ( fi Franza) kienu reġistrati rekord ta’ kważi 370,000 każ u 341 mewta.

Sadanittant, rapporti mill-Ingilterra qalu li ż-żmien ta’ iżolament għall-persuni li jittestjaw pożittiv għall-Covid tnaqqas għal ‘ħamest ijiem sħaħ’.Il-Ministru tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, ikkonferma dan minkejja s-sinjali li s-servizzi tas-saħħa (NHS) fl-Ingilterra se jibqgħu jaħdmu taħt piż ta’ każi sinifikanti matul il-ġimgħat li jmiss.

Filwaqt li r-Renju Unit, nhar l-Erbgħa, ikkonferma qrib il-130,000 każ ġdid tal-Covid u 398 mewta relatata, Javid qal li ‘il-pajjiż qed jitgħallem jgħix f’dawn iż-żmenijiet ta’ pandemija’.

Fi żviluppi oħra, Boris Johnson qed ikompli jiffaċċja sejħiet biex jirriżenja minn Prim Ministru Britanniku wara li ammetta li attenda festin li fih kien tqassam ix-xorb alkoħoliku. Il-festin kien seħħ f’Mejju tal-2020 meta r-Renju Unit kien taħt lockdown strett – u bħalissa l-Oppożizzjoni fil-House of Commons (Parlament) qed tinsisti biex Johnson ‘iġorr ir-responsabbiltà politika u jwarrab mill-kariga preżenti’.

Boris Johnson diġà talab skuża talli kien preżenti għall-festin u għall-mod kif hu aġixxa fiċ-ċirkustanzi. Iżda l-membri tal-Kabinett ta’ Johnson iddefendew lill-Prim Ministru fost is-sejħiet biex il-poplu jistenna r-riżultati ta’ inkjesta speċifika.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Johnson kellu jħassar żjara skedata f’Lancashire wara li membru tal-familja testja pożittiv għall-Covid.