Lokali

David Thake jirriżenja mill-Parlament; “l-istandards tiegħi mhumiex l-istandards tal-Labour”

Permezz ta’ video fuq Facebook, id-Deputat Nazzjonalista David Thake ħabbar li se jkun qed jippreżenta r-riżenja tiegħu mill-Parlament b’mod immedjat.

Thake qal li wara li tkellem lill-Kap tal-Partit u l-kumplament tat-tmexxija hu kien se joffri r-riżenja tiegħu lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Fl-istess filmat, hu qal li filwaqt li hu jammetti li għamel żball amministrattiv bħala direttur ta’ kumpanija, dak kollu li ġie spinnjat dwaru, primarjament mill-Partit Laburista ma hu veru xejn. Thake stqarr li m’għandu xejn x’jaħbi.

David Thake qal li hu qed jirriżenja għaliex. hu għandu standards li huma ferm ogħla minn dawk tal-Partit Laburista u insista li hu mhuwiex korrott, mhuwiex qattiel u mhuwiex kriminal u qal li “dawk għadhom fil-Parlament”. Hu fakkar kif f’dan ir-rigward il-Labour falla bil-kbir.

Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista rringrazza lil David Thake talli refa’ r-responsabbiltà politika tiegħu u rriżenja mill-Parlament u rtira wkoll il-kandidatura tiegħu minn mal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ngħad li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, aċċetta r-riżenja u rringrazzja lil David Thake għall-kontribut li ta lill-Partit u għall-ġlieda tiegħu li jtejjeb l-istandards fil-politika.

Din ir-riżenja qed twassal għall-vakanza fil-Grupp Parlamentari, li trid timtela’ b’co-option. Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipproponi lill-istrutturi tal-Partit biex din il-vakanza timtela’ mill-Perit Graziella Galea.

Galea hi l-Minority Leader tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u Kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-12-il distrett.