Lokali Saħħa

ESKLUSSIVA: Il-kuntratt skandaluż li ta Chris Fearne MA KIENX approvat mis-Segretarju Permanenti tal-Finanzi

Kienet campaign manager tiegħu, u Fearne poġġiha tmexxi s-Servizzi Mediċi

Net News jista’ jiżvela li l-kuntratt ta’ €163,000 mogħti mill-Ministru Chris Fearne lill-ħabiba tiegħu Carmen Ciantar ma kienx approvat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi.

It-tweġiba li tana s-Segretarju tal-Finanzi Alfred Camilleri kienet waħda ċara: “jiena la kont involut u ma approvajtx il-pakkett finanzjarju li rreferejt ghalih fil-mistoqsijiet tieghek.”

Kien propju lbieraħ meta s-sit elettorniku The Shift żvela li d-Deputat Prim Ministru ta kuntratt lussuż ta’ €163,000 fis-sena lill waħda mill-campaign managers tiegħu, Carmen Ciantar, lura fl-2019. Hi fil-fatt tpoġġiet bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – fondazzjoni li taqa’ direttament taħt id-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħa fuq struzzjonijiet diretti tal-Ministru Fearne, Carmen Ciantar se titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju tal-Ministru tagħha. Ma’ dawn Ciantar għandha bosta perkaċċi: fosthom bonus annwali ta’ 20% li jrid ikun approvat minn Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ 51 sena jiswa’ lill-kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.