Lokali Saħħa

Fearne deċiż li l-kuntratt ta’ €700,000 għal 5 snin tal-Campaign Manager jibqa’ fis-seħħ

Konferma li ħatar ukoll lil Carmen Ciantar bħala Chief of Staff tiegħu

Il-Ministru Chris Fearne mhux se jkun qiegħed iwaqqaf jew jagħmel pressjoni biex jiġi sospiż il-kuntratt tal-Campaign Manager tiegħu Carmen Ciantar wara li din inħatret bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi, l-FMS.

Mistoqsi mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fearne ammetta li l-Awditur Ġenerali kien informa lill-Gvern  li kien hemm irregolaritajiet fil-kuntratt ta’ Ciantar – kuntratt li jiggarantila salarju ta’ madwar €700,000 għal 5 snin.

Iżda l-Ministru insista li se jzomm lil din il-habiba tieghu fil-kariga li ghadha…. u t-tibdil li jrid l-NAO se jasal wara li jintemmilha l-kuntratt.

Dan l-iskandlu inkixef wara li s-sit The Shift News żvela li Ciantar ġiet maħtura fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv fi ħdan l-FMS, Fondazzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru ta’ Fearne b’kuntratt ta’ €163,000 fis-sena…id-doppju ta’ dak li kien jaqla’ il-predeċessur tagħha.

Issikkat mill-ġurnalisti sabiex iwieġeb, Fearne baqa’ jinsisti li Ciantar mhux se jkun qed jitwaqfilha l-kuntratt. Filwaqt li ħarab milli jwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti billi insinwa li qed jagħmlu d-domandi dwar il-każ …għaliex Ciantar hi militanti Laburista.

Mistoqsi minn Net News x’differenza hemm bejn il-ħabiba tiegħu u l-każ ta’ Justyne Caruana u l-ħabib tagħha Daniel Bogdanovic…Fearne ma weġibx. Dan meta Justyne Caruana tirreżenja fuq kuntratt ta’ €15,000 – ferm u ferm inqas minn dak li qed iddaħħal Carmen Ciantar.

Madanakollu il-Ministru tas-Saħħa ġġustifika s-salarju ta’ Ciantar billi saħaq li l-karigi taż-żewġ persuni huma totalment differenti.

Net News fl-ahhar sighat għamel kuntatt mas-Segretarju Permanenti tal-Finanzi Alfred Camilleri li insista li huwa qatt ma kien involut u qatt ma approva l-ebda pakkett finanzjarju rigward l-impjieg ta’ Carmen Ciantar ….filwaqt li s-Segretarju Permanenti tas-Saħħa, Joe Rapa għamel bħall-imgħallem tiegħu Chris Fearne, u farfarha fuq il-Bord tal-FMS.

Intant, il-Ministru Chris Fearne ikkonferma wkoll li laħħaq lill-istess Carmen Ciantar bħala Chief of Staff tiegħu fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa flimkien mal-kariga għolja li għandha fi ħdan il-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi. Madanakollu …dejjem skont Fearne…hi mhux qed titħallas żejjed għal din il-kariga…b’hafna jistaqsu kif qed tlaħħaq f’jum wieħed taqdi r-rwoli tagħha fit-tmexxija tal-FMS u bħala Chief of Staff tal-Ministeru.