Lokali

Ftit li xejn informazzjoni ġdida dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska

Matul konferenza tal-aħbarijiet, Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija taw ftit li xejn informazzjoni ġdida 11-il jum wara l-qtil tal-Pollakka Paulina Dembska, li seħħ fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.

Id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Ramon Mercieca spjega li wara li seħħ il-każ, il-Korp żied il-preżenza tal-Pulizija f’Tas-Sliema, filwaqt li qed iżommu kuntatt aktar mill-qrib mal-komunità li tinsab fil-qrib. Dan filwaqt li tenna li, b’mod ġenerali, pajjiżna għadu meqjus bħala wieħed sigur.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Korp Brandon Pisani spjega li ż-żagħżugħ akkużat bil-qtil, Abner Aquilina kien arrestat wara madwar siegħa minn x’ħin seħħ il-każ. Hu kien arrestat fil-Knisja tal-Balluta wara li kien għamel l-istorbju u nħareġ mill-post minn xi nies preżenti.

Min-naħa l-oħra, fil-preżenza wkoll tas-Supretendent Keith Arnaud, il-Kelliem għall-Korp ma tax dettalji dwar jekk l-akkużat kienx taħt xi effett tad-droga jew xi sustanzi oħrajn meta allegatament seħħ il-każ. Kif lanqas ma ta informazzjoni dwar jekk kienux investigati persuni relatati mal-għaqda li ż-żagħżugħ kien membru tagħha.

Sadanittant, hu spjega wkoll li wara rapporti fuq il-media online u fuq il-media soċjali, il-Pulizija bdiet tinvestiga wkoll allegati fastidji li Abner Aquilina wettaq fil-konfront ta’ diversi tfajliet. Dan hekk kif spjega li l-Korp ma kien qatt irċieva tali rapporti dwar fil-konfront taż-żagħżugħ.