Futbol Sport

“Ġejt mwarrab mit-tim nazzjonali għax ma ħadtx il-vaċċin” – Kyrian Nwoko

(Ritratt: Domenic Aquilina)

F’messaġġ li kiteb fuq il-media soċjali l-attakkant internazzjonali Malti Kyrian Nwoko qal li hu ġie mwarrab mit-tim nazzjonali għax irrifjuta li jieħu l-vaċċin. Nwoko akkuża lit-tmexxija tat-tim nazzjonali Maltim lill-awtoritajiet tas-saħħa kif ukoll lil Ministru Chris Fearne li użaw lill-players bħala mossa biex iħeġġu nies oħra jitlaqqmu.

Nwoko irrimarka li qabel il-kamp ta’ taħriġ fl-Awstrija f’Mejju li għadda, il-plejers kellhom struzzjonijiet biex jitlaqqmu inkella ma kienux se jitħallew jivvjaġġaw lejn l-Awstrija mal-kumplament tal-iskwadra. Nwoko stqarr li f’laqgħa li kellu mal-coach dan qalli li l-vaċċin kien se jsir mandatorju mill-UEFA f’Settembru, għalkemm dan baqa’ ma seħħx.

L-attakkant ta’ 24 sena stqarr li dakinhar li l-players ingħataw il-vaċċin kien preżenza qawwija ta’ rappreżentanti tal-MFA, uffiċjali tal-gvern, Chris Fearne kif ukoll tim sħiħ tal-media, f’dak hu ddeskriva bħala “PR stunt”.

Nwoko qal li din kienet l-aħħar darba lu hu ssejjaħ mat-tim nazzjonali Malti, filwaqt li nnota kif players oħra fi ħdan it-tim nazzjonali ikkuntatjawh u qalulu li huma wkoll ma ridux jieħdu l-vaċċin, iżda ħassewhom sfurzati jagħmlu dan.

Intant, permezz ta’ stqarrija, il-Partit Nazzjonalista appella lil gvern biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li se jiddaħħlu nhar it-Tnejn li effetivament jagħmlu t-teħid tal-booster obbligatorju.