Internazzjonali

Ġermanja: Kurunell Sirjan ikkundannat għal reati kontra l-umanità

Qorti fil-belt ta’ Koblenz ikkundannat lil Kurunell tal-Armata Sirjana għal priġunerija għal għomru b’konnessjoni ma’ reati kontra l-umanità fis-Sirja. Dan wara li Anwar Raslan, ta’ 58 sena, kien iddikjarat strumentali fit-tortura ta’ ‘il fuq minn 4,000 persuna waqt il-gwerra ċivili tas-Sirja – bl-atti ta’ tortura jseħħu fil-ħabs ta’ Al-Khatib li kien ingħata l-laqam ta’ ‘infern f’din id-dinja’.

Il-proċess hu sinifikanti għaliex kien jinvolvi l-ewwel każ kriminali relatat ma’ ‘programmi ta’ tortura sanzjonati mill-Istat’ fis-Sirja. Raslan kien akkużat li serva bħala uffiċjal tas-sigurtà mlaħħaq taħt il-President Sirjan Bashar al-Assad  meta l-qawwiet tal-Istat, fl-2011, wettqu l-azzjonijiet vjolenti fuq id-dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra r-reġim ta’ Assad.

Ħafna dimostranti u oħrajn suspettati li kienu kontra r-reġim spiċċaw arrestati u mitfugħin fil-ħabs ta’ Al-Khatib, f’Damasku fejn, skont il-proskeuturi, Raslan kellu rwol prominenti. Intant. Raslan kien akkużat bi 58 każ ta’ omiċidju u dwar diversi każi ta’ stupru u t-tortura ta’ eluf ta’ priġunieri bejn l-2011 u l-2012.