Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsisti li “ninsabu f’xifer ta’ kriżi”

Nuqqas kbir ta’ infermieri fid-djar tal-anzjani

Huwa ta’ tħassib in-nuqqas ta’ infermieri madwar il-Gżejjer Maltin kemm fid-djar tal-anzjani kif ukoll fis-settur tas-Saħħa. Dan saħqitu s-sezzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ li tirrappreżenta d-djar tal-anzjani bil-Kamra tal-Kummerċ tappella sabiex il-Gvern jiltaqa’ minnufih mas-Settur Privat tas-saħħa sabiex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.

Ġie spjegat li sal-lum Malta tilfet ‘il fuq minn 600 infermier li marru jaħdmu fir-Renju Unit. Aktar minn hekk, biż-żieda qawwija ta’ każi ġodda pożittivi ta’ Covid-19, numru ta’ residenzi għall-kura u mhux biss qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni bla ebda preċedent…bl-impjegati eżawsti kompletament wara sentejn jissieltu mal-pandemija.

Għaldaqstant qed jiġi propost mill-Kamra tal-Kummerċ sabiex ikun hemm aktar staff full time u jingħata aktar sostenn lill-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel sabiex ikunu jistgħu japprovaw u jħaddmu aktar infermieri barranin b’iżjed ħeffa.

Dan filwaqt li l-ħaddiema barranin ikunu offruti termini ta’ residenza aħjar – prassi li diġà qed tiġi implimentata f’pajjiżi oħrajn Ewropej.

Il-Kamra tal-Kummerċ proponiet ukoll sabiex il-Gvern joffri aktar inċentivi sabiex dan is-settur jattira aktar infermieri lokali sabiex jibdew jew saħansitra jirritornaw għal din il-professjoni.

Ta’ min ninnotaw li diversi Care Homes privati mhux biss jipprovdu servizz lil klijenti privati iżda jinsabu wkoll fi ftehim mal-Istat. Minkejja li jipprovdu sodod, li jekk ma jkunx għas-servizz tagħhom ikunu qed jiġu meħuda mill-Isptar Mater Dei, jinsabu f’battalja sħiħa mal-Istat innifsu hekk kif numru ta’ ħaddiema qed jittieħdu mill-privat sabiex jaħdmu fis-settur pubbliku.

L-uniku assistenza li ngħatat lill-Operaturi tal-Care Homes kienet grant waħda li ngħatat lil dawk il-persuni li kellhom joqgħodu taħt lockdown komplet bejn April u Ġunju tal-2020.