Lokali

Il-Korpi Kostitwiti jgħidu li n-negozji qed ikomplu jbatu minħabba l-miżuri riċenti

Is-sidien tan-negozji jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli ferm, waħda mingħajr ebda preċedent – deskritta minn bosta bħala sfida oħra miżjuda mal-lista twila ta’ sfidi li min iħaddem kellu jħabbat wiċċu magħhom tul dawn is-sentejn ta’ pandemija.

Dan hekk kif minn nhar it-Tnejn il-ħaddiema li jaħdmu fi stabbilimenti u setturi li huma meqjusa bħala mhux essenzjali u li għandhom kuntatt man-nies iridu jkunu mlaqqma bit-tielet doża tal-booster bilfors.

Net News tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, Joe Farrugia fejn saħaq li kontinwament ikunu f’diskussjoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa minkejja li għad hemm xi domandi mhux imwieġba.

Huwa sostna li s-sid tan-negozju qed jinqabad f’sitwazzjoni diffiċli, u ddeskriva dak li qed iseħħ bħala sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat.

Joe Farrugia spjega li r-responsabbiltà mixħuta f’ħoġor min iħaddem hija waħda delikata ħafna.

Net News tkellem ukoll mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb, fejn filwaqt li saħqet dwar l-importanza tal-vaċċin fid-dawl tal-firxa tal-pandemija f’pajjiżna…. hija rrikonoxxiet li grazzi għal dawn il-miżuri se tkun qed titneħħa d-distanza soċjali fir-ristoranti.

Madanakollu preċiżat li b’dawn il-miżuri il-piż fuq dawn l-istabbilimenti se jiżdied ukoll.

Filwaqt li tkelmet ukoll dwar il-possibilità li jekk ħaddiem ma jridx jieħu l-booster jista’ forsi tinfetaħ tieqa u jkun jista jbiddel ir-rwol tiegħu billi ma jkunx f’kuntatt ma’ persuni oħra…. spjegat li din hija pressjoni oħra fuq min iħaddem.

Intant, mistoqsi dwar il-fatt jekk jaħsibx li l-miżuri l-ġodda ta’ nhar it-Tnejn humiex deskriminatorji fuq il-postijiet tax-xogħol, id-Direttur Ġenerali tal-MEA saħaq li mhux biss ir-ristoranti u l-barijiet li għandhom kuntatt dirett man-nies..

Intant huwa tkellem ukoll dwar studju li twettaq qalb in-negozji fejn wera l-gravità serja ta’ assentejiżmu li qed ikun hemm fil-postitjiet tax-xogħol…fid-dawl tal-għexieren ta’ eluf li preżentament jinsabu fi kwarantina.