L-Alleanza tan-NATO tinsab lesta biex tidħol fi djalogu dettaljat mar-Russja rigward il-kontroll tal-armi u l-istazzjonar tal-missili f’diversi pajjiżi Ewropej. Fl-istess ħin, l-Alleanza qalet li mhix se tippermetti li r-Russja tfixkel l-ambizzjonijiet tal-Ukrajna biex tissieħeb man-NATO – bil-Kap tal-Alleanza, Jens Stoltenberg, iwissi dwar ‘is-sogru reali ta’ konflitt ġdid fl-Ewropa’.
Ir-rappreżentanti tal-Punent qed jissieħbu f’fażi ġdida ta’ negozjati ma’ Moska wara li r-Russja bagħtet mal-100,000 suldat qrib il-fruntiera mal-Ukrajna; l-eks repubblika Sovjetika li qed taspira biex, xi darba, issir membru tan-NATO.
Sadanittant, Stoltenberg qal li jeżistu differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi msieħba fin-NATO u r-Russja. Madankollu hu qed jara ‘ħaġa pożittiva’ fl-aħħar negozjati bejn l-alleati tal-Punent u r-rappreżentanti tar-Russja li trattaw ‘issues ta’ sustanza’.
U wara l-aħħar taħditiet fi Brussell, Stoltenberg, bħala s-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, għamilha ċara li l-Alleanza mhix se tħalli li r-Russja ‘tiddetta l-arranġamenti dwar is-sigurtà lil pajjiżi oħra’. Fl-istess ħin, in-NATO tinsab attentata biex tevita sitwazzjoni fejn ir-Russja jirnexxilha toħloq ‘l-isferi ta’ influwenza perikolużi’.
Ir-Russja baqgħet tiċħad li qed taħseb f’invażjoni militari tal-Ukrajna. Madankollu, dan il-pajjiż għadu jinsisti dwar sensiela ta’ garanziji għas-sigurtà tiegħu u li jinkludu waqfien għal kwalunkwe espansjoni tan-NATO lejn pajjiżi eqreb ta’ Moska.
//= $special ?>