Il-Partit Nazzjonalista qed itenni t-tħassib tal-Maltin u l-Għawdxin kollha għad-deċiżjonijiet żbaljati li l-Gvern Laburista ilu jieħu għal dawn l-aħħar disa’ snin fis-settur Ambjentali, b’tal-aħħar ikun il-proġett ta’ Inċineratur fil-Magħtab.
Dan ħareġ min konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost l-oħrajn mill-Kelliem għall-Politika Ambjentali Robert Cutajar, li fakkar kif, min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Ambjent verament għandu jkun tagħna lkoll.
Robert Cutajar kompla li l-Partit Nazzjonalista ilu diversi snin jgħid li l-proġett propost mill-Gvern ta’ Robert Abela hu vvizzjat u ilu hekk mill-bidunett. Fost l-oħrajn, hu nnota kif il-Gvern irid li tittieħed kważi d-doppju f’art milli verament hemm bżonn u dan se jwassal għall-qerda ta’ aktar art agrikola.
Barra minhekk, hemm persuna involuta fil-proġett li għandu kunflitt qawwi ta’ interess, f’riflessjoni ta’ kull kuntratt li jiswa l-miljuni li jmiss miegħu l-Gvern Laburista. Dan filwaqt li lanqas mhu qed jagħti kas l-impatt ambjentali fiz-zona tal-baħar faċċata tal-post propost.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista staqsa lil min qed jaġevola l-Gvern, ladarba qed jibqa’ jinsisti li jagħmel dan il-proġett. Dan aktar u aktar meta – wara disa’ snin jinjora l-isfidi ambjentali – issa Robert Abela u sħabu qed jirrealizzaw li hemm bżonn isir xi ħaġa, tant li bdew isemmu lil dan is-settur.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Karl Gouder, li faħħar l-impenn tal-Kunsilli tal-madwar biex issir pressjoni għas-sens komun. Għax filwaqt li l-Gvern għamel minn kollox biex jipprova jkissirhom, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Kunsilli għandhom rwol importanti anke biex iħarsu l-Ambjent.
Hu tenna li l-Partit Nazzjonalista hu favur il-kunċett ta’ Inċineratur, tant li fl-aħħar leġislatura tiegħu fil-Gvern kien diġà beda jagħti direzzjoni lejn dan il-proġett. Madankollu, qal li ma jista’ qatt jaqbel mal-mod kif se jinqered l-Ambjent.
Għaldaqstant, hu tenna biex fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, jirbħu s-sens komun u l-loġika u mhux l-interessi tal-ftit.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja James Aaron Ellul qal li l-Partit Nazzjonalista għandu politika minsuġa fuq viżjoni, tant li ta’ spiss qed jippreżenta l-proposti tiegħu biex juri li hu l-Gvern Alternattiv li għandu bżonn pajjiżna.
Fost l-oħrajn hu fakkar kif Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jara li l-Ambjent jingħata l-importanza li jistħoqqlu, bi proġetti bħall-installazzjoni ta’ panelli fuq il-bjut tal-Iskejjel.
Fil-leġislaturi tiegħu fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista ġab miljuni ta’ ewro f’fondi mill-Unjoni Ewropea biex l-Ambjent seta’ jitjieb. U għal għada, qed iħares ‘il quddiem, fost l-oħrajn biex ikunu indirizzati sfidi bħal dawk li ġġib magħha t-tibdil fil-klima.
James Aaron Ellul innota b’dispjaċir kif, min-naħa l-oħra, il-Gvern Laburista lanqas biss ikkonsulta mal-bdiewa dwar dan il-proġett tal-Inċineratur, minkejja li bit-teħid ta’ arthom, dawn tkun qed titteħdilhom il-ħobża ta’ kuljum.
//= $special ?>