Lokali

Is-Segretarju Permanenti tas-Saħħa jfarfar meta mistoqsi dwar il-ħatra tal-ħabiba tal-Ministru Fearne

Skont is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa Joe Rapa, hu ma kellu x’jaqsam xejn mal-ħatra tal-ħabiba ta’ Chris Fearne bħala Kap Eżekuttiv tal-FMS. Dan qalu lil Net News f’kummenti li tana wara serja ta’ domandi li bagħtnielu, b’rabta mal-iskandlu ta’ €160,000 u l-job li ingħatat Carmen Ciantar biex tmexxi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Fir-risposti tiegħu, Rapa qalilna biss li l-ħatra saret mill-Bord tal-FMS, u skont hu mhemmx bżonn approvazzjoni.

Aktar kmieni illum, Net News żvela li l-kuntratt ta’ €163,000 mogħti mill-Ministru Chris Fearne lill-ħabiba tiegħu Carmen Ciantar ma kienx approvat lanqas mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi.

It-tweġiba li tana s-Segretarju tal-Finanzi Alfred Camilleri kienet waħda ċara: “jiena la kont involut u ma approvajtx il-pakkett finanzjarju li rreferejt ghalih fil-mistoqsijiet tieghek.”

Kien propju lbieraħ meta s-sit elettorniku The Shift żvela li d-Deputat Prim Ministru ta kuntratt lussuż ta’ €163,000 fis-sena lill waħda mill-campaign managers tiegħu, Carmen Ciantar, lura fl-2019. Hi fil-fatt tpoġġiet bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – fondazzjoni li taqa’ direttament taħt id-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħa fuq struzzjonijiet diretti tal-Ministru Fearne, Carmen Ciantar se titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju tal-Ministru tagħha. Ma’ dawn Ciantar għandha bosta perkaċċi: fosthom bonus annwali ta’ 20% li jrid ikun approvat minn Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ 51 sena jiswa’ lill-kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.