Internazzjonali Unjoni Ewropea

It-Taljani jsellmu lil David Sassoli

Matul il-jum tal-Ħamis, il-mexxejja tal-Istat u l-poplu Taljan, kif ukoll għadd ta’ Uffiċjali Għoljin tal-Unjoni Ewropea nġabru fil-kapitali Ruma biex isellmu lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, li miet fis-sigħat bikrin tat-Tlieta, fi sptar f’Aviano, fl-età ta 65 sena.

Fost dawk li sellmu lil Sassoli kien hemm il-President Taljan Sergio Mattarella, il-Prim Ministru Mario Draghi u s-Sindku ta’ Ruma Roberto Gualtieri. Preżenti wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, kif ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Flimkien ma’ dawn ingħaqdu wkoll il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin David Casa u Roberta Metsola – li bħalissa qed tassumi r-rwol ta’ President tal-Parlament Ewropew minħabba li hi kienet l-Ewwel Viċi President.

Fis-sigħat li għaddew, Casa kien ukoll fost dawk li ffirma l-Ktieb tal-Kondoljonazi fil-Parlament Ewropew, fejn irringrazzja lil Sassoli għax-xogħol kollu li wettaq bħala l-President ta’ waħda mill-akbar istituzzjonijiet Ewropej.

L-MEP Nazzjonalista faħħar l-impenn tal-President Sassoli fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-valur tas-solidarjetà.

Fil-passat, David Sassoli kien ġurnalist qabel ma beda karriera ta’ suċċess fil-politika Ewropea. Hu kienu jservi bħala President tal-Parlament Ewropew minn Lulju tal-2019.

Madwar ġimgħatejn ilu, hu marad serjament u fi żmien il-Festi ddaħħal l-isptar wara kumplikazzjoni serja fis-sistema immunitarja tiegħu.

Sassoli se jingħata l-Aħħar Tislima f’Funeral Statali, lli se jsir il-Ġimgħa f’12pm, fil-Bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli, immexxija mill-Kardinal u Arċisqof ta’ Bologna Matteo Zuppi.