Lokali Parlament

Ivan Bartolo jitlob lill-Kummissarju jinvestiga attakki fuqu fil-portal tal-One

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga kull kumment li nkiteb dwaru fuq il-portal tal-One, ta’ jumejn ilu, taħt il-post “Pajjiżi kiel lil niesi”.

Fil-parlament hu qal li ftit għandhom l-arti tal-ġudizzju u dawk li jitkellmu ħafna, jikxfu ruħhom fin-nuqqas tagħha. Xi wħud jaħsbu li qed ikunu ta’ servizz għal Malta, billi jinħbew wara laptop u joqogħdu jinsulentaw lil min ma jogħġobomx. Iwaddbu l-ġebla u jaħbu idejhom; l-agħar kummenti ta’ dawk li jinħbew wara profil falz.

Dan hu disservizz lejhom inniffshom, u lejn pajjiżna. Dawn jimlew il-media soċjali b’ ħoss ta’ ħdura u rabja. Qishom dawk li jwaddbu l-bombi, joqtlu u jitilqu l’ hemm. Kodardi! L-aktar persuni għażżenin u li qatt m’għamlu xejn għal pajjiżna. Ma taqbdilhomx tarf. Għax jekk titkellem bi prudenza jgħidulek “ġbara”. Jekk tgħid il-veritá jgħidulek “pinnur” u jekk iżżomm sod, “kibritlek rasek”. Għax dak li hemm fil-ġewwieni joħroġ b’ dan il-mod.

Għax nista’ nibqa’ sieket quddiem dawk li jħaddmu bil-prekarjat, biex jistagħnew huma? Jheddek …. “take it or leave it”. U int minħabba commitments tibża’ u tirringrazzjah biex hu jkompli jistagħna u int tkompli ssir skjav tas-sistema.

Imma hekk ġabha Malta, min tela’ biex jeredika l-faqar u jiġġieled il-prekarjat u jekk tiftaħ ħalqek tiġi kritikat bħala xewwiexi u li “tgorr, għax l-għeneb qares”.

Hu qal li nista’ bħala rappreżentant tal-poplu nibqa’ sieket u ma ngħidx li kollox se jogħla, mill-ikel sal-fuel. Id-diesel għola mill-għada tal-budget għall-użu kummerċjali, imbgħad jiġi l-Prim Ministru u l-esponenti fil-Labour jgħidulek li dan hu budget li m’ hawnx bħalu. Veru m’ hawnx bħalu għax se jwassal biss sal-elezzjoni.

Nista’ ma nitkellimx quddiem liġijiet li żarmaw lil poplu Malti mill-identità u l-kultura tiegħu? Wasalna fi stat li jekk tgħid li tħaddan valuri insara, jgħajruk fanatiku.

Meta konna żgħar, kienu jgħidulna fl-iskola li l-familja hija ċ-ċellola tas-soċjetà u llum din l-idea, allaħares tgħidha. U meta titlef l-identità tagħna tkun tlift kollox.

Allura dan mhux pajjiż li kiel lil niesu? Nista’ ma nitkellimx fuq il-paga minima li ma sserviex sat-tielet ġimgħa. Nista’ ma nittkellimx fuq l-appartamenti tas-social housing. Ilhom jgħajtu bihom seba’ snin u għadu ħadd ma daħal f’post minnhom. Tmur fil-ġonna u tara l-ħutna Maltin reqdin barra. Nista’ ma nitkellimx?

Imma t-tama tispiċċa meta taqta qalbek u tagħlaq ix-shutter. Jekk nagħmel hekk, messhom jgħajruni throlls li jien “ġbara”.

Nista’ ma nitkellimx fuq dawk il-ħaddiema li b’mod dirett daħħalnihom jaħdmu mal-Gvern …… kollha bil-kuntratt ta’ sena jew tmien xhur. Jiġifieri kemm noħdulhom il-vot u barra. Imma l-importanti li ksibna l-poter minn fuq iż-żgħir.

Nista’ ma nitkellimx, meta Malta tikklassifika fost l-agħar 10 pajjiżi, biex tgħix fihom. Malta klassifikata fil-50 post minn 59. Fl-aħħar post huwa l-Kuwajt.

Nista’ ma nitkellimx li f’Binja San David fl-Imtarfa, il-lift ilu seba’ xhur bil-ħsara? Għamlu l-istima u l-bnedmin li jgħixu fil-blokka, għaddejjin martirju. Nista’ ma nitkellimx?

Din hi r-roadmap misħuta li nħemiet fir-raba’ sular? Nista’ ma nitkellimx fuq l-anzjani u l-biżgħat li taħkimhom!!! Jekk niskot inkun qed nonqos.

U jistgħu jiktbu u jgħajru kemm iridu, għax it-tgħajjir jirrabbjani għax inġust, imma jsaħħaħni!

Mhux bilfors immur oltre u b’ dieqa ngħid li “pajjiżi sar pajjiż li kiel lil niesu.” Mhux bilfors ma nemminx lill-Prim Ministru meta jgħid li jrid l-għaqda f’ pajjiżna. Għax jekk irid l-għaqda f’ pajjiżna, ma naħsibx li jħalli lil istazzjon tiegħu ONE, (jagħmel titlu fuq il-portal tiegħu) barra mill-kuntest tiegħu, bl-iskop li jħammeġ persuna/i.

Jumejn ilu, messet lili. Mhux l-ewwel darba, imma din id-darba, ridt nagħmel pass oltre. Ridt naġixxi biex tinqata’ din il-kattiverija u l-ħdura minn fuq il-media soċjali. Għalhekk tlabt lil Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga kull kumment li nkiteb dwari fuq il-portal tal-One, ta’ jumejn ilu, taħt il-post “Pajjiżi kiel lil niesi”.

Xtaqt nagħlaq bi kwotazzjoni ta’ Paolo Coelhio “Haters don’ t hate us, they hate themselves. Because we are reflection of what they wish to be.