Raġel mill-Pietà nżamm arrestat wara li ġie mixli b’serje ta’ serqiet minn ‘vending machines’ li kienu qed iseħħu filgħaxija. L-Ispetturi Kevin Pulis u Gabriel Micallef xlew lil Kevin Azzopardi ta’ 45 sena b’diversi akkużi ta’ serq aggravat. Huma qalu lill-Maġistrat Ian Farrugia li fl-aħħar ġimgħat, l-għassa tal-Belt Valletta kienet innotat żieda fir-rapporti ta’ ċertu tip ta’ serq minn ‘vending machines’ u għamlet sforzi intensivi biex jidentifikaw il-ħati.
Il-pulizija kienet waqqfet sorveljanza bil-moħbi f’żoni fejn kien hemm magni simili u eventwalment arrestat lil Azzopardi hekk kif l-akkużat kien qed jisforza magna waħda minnhom, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Azzopardi wieġeb mhux ħati. L-Avukat Christopher Chircop, li deher bħala difensur tal-għajnuna legali, talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, u rrimarkat li l-akkużat kien qed iwettaq is-serq “lejl wara lejl, serq wara l-ieħor, minn diversi lokalitajiet.” Iċċitata wkoll il-possibbiltà li l-akkużat ibagħbas fil-provi, hekk kif Azzopardi kien jaf eżatt min kienu l-vittmi, wara li serqhom.
Chircop sostna li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza, peress li l-vittmi ma kellhom ebda raġuni biex ibiddlu l-verżjonijiet tagħhom. L-avukat fakkar fil-qorti li l-akkużat igawdi l-preżunzjoni tal-innoċenza f’dan l-istadju, kellu rabtiet qawwija ma’ Malta kif ukoll indirizz fiss. Sostna li l-akkużat għandu jinħeles mill-arrest taħt il-kundizzjonijiet iffissati mill-qorti. Il-maġistrat iżda qal li kien qed jiċħad il-ħelsien mill-arrest għar-raġunijiet mogħtija mill-prosekuzzjoni.
//= $special ?>