Lokali

L-MPU f’tilwima industrijali kontra l-Kumissarju tal-Pulizija Angelo Gafà

Il-Malta Police Union, irreġistrat tilwima industrijali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jbiddel il-kompożizzjoni tad-distretti tal-Pulizija mingħajr ebda kunsultazzjoni mal-Union tal-Pulizija.

Fi stqarrija, l-MPU saħqet li diġà qed jinħassu diversi problemi dwar min għandu jkopri liema distrett minħabba n-nuqqas ta’ staff attwali. L-MPU jisħaq li ma jistax ikun li l-Pulizija jkomplu jiġu ttrattati bħal numri u mhux impjegati attwali li għandhom id-dritt jiġu kkonsultati dwar bidliet li jaffettwawhom direttament.

Il-Malta Police Union qalet li għalkemm din il-bidla setgħet kienet waħda neċessarja, m’għandiex tkun implimentata meta d-distretti huma prattikament vojta, b’Surġent tal-Pulizija wieħed biex ikopri distrett sħiħ, irrelevanti mill-ammont ta’ nies li joqgħodu fid-distrett u l-isfidi li dan iġib miegħu.

L-MPU semmiet ukoll il-fatt li dan japplika għall-uffiċji tad-Distrett tal-Pulizija fejn żdiedu n-numru ta’ lokalitajiet fir-responsabbiltà tagħhom, mingħajr żieda fl-ammont ta’ Pulizija.