Lokali

L-MUT tordna azzjonijiet industrijali fil-Junior College

L-Union tal-Għalliema (MUT) ordnat lill-membri tagħha li jaħdmu bħala Lecturers fil-Junior College biex jibdew isegwu għadd ta’ direttivi wara li nediet azzjoni industrijali kawża tan-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Gvern.

In-negozjati għal ftehim kollettiv ġdid, li ilhom għaddejjin għal aktar minn sentejn, jidhru li weħlu għal kollox, filwaqt li laqgħat ta’ rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ naħat baqgħu ma ħallewx il-frott mixtieq.

Għaldaqstant, l-MUT ordnat lil-Lecturers fil-Junior College biex, b’effett minn għada, ma jwieġbux emails u telefonati interni, kif ukoll li ma jtellgħux jew jgħaddu marki ta’ assessments, jattendu laqgħat tad-dipartimenti jew jorganizzaw laqgħat dwar l-iżvilupp professjonali.

Barra minhekk, huma qed jintalbu wkoll biex ma jattendux laqgħat li jsiru fil-Kampus tal-Università f’Tal-Qroqq jew f’xi kampus ieħor, li jipparteċipaw f’attivitajiet tal-Kulleġġ jew tal-Università jew li jirritornaw il-listi tal-attendenzi.

L-MUT qalet li f’każ li ma jkunx innutat titjib fis-sitwazzjoni, se tkun qed teskala l-azzjonijiet industrijali b’sagħtejn strajk it-Tnejn, 24 ta’ Jannar, bejn il-11am u s-1pm, kif ukoll strajk ta’ ġurnata l-għada t-Tlieta.