Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic inkluż fil-poloz tal-Open tal-Awstralja

Is-seed numru wieħed Novak Djokovic kien inkluż fil-poloz tal-Open tal-Awstralja minkejja li għadu mhux ċert jekk hux se jkun qed jitħalla jipparteċipa. Djokovic se jkun qed jilgħab kontra Miomir Kecmanovic fl-ewwel round fl-Awstralja.

Dan minkejja l-kontroversja li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa hekk kif ma tħallix jidħol fil-pajjiż għaliex m’huwiex vaċċinat. Madanakollu l-qorti f’Melbourne laqgħet l-appell tiegħu u reġgħet tagħtu l-visa biex jidħol fil-pajjiż.

Il-Ministru tal-Immigrazzjoni Awstraljan Alex Hawke għandu l-poter li jerġa jirrevokalu l-visa għalkemm hu għadu ma ħax deċiżjoni dwar dan.

Djokovic se jkun qed jaspira li jirbaħ l-10 Open tal-Awstralja tal-karriera filwaqt li jaqbeż lil Roger Federer u Rafael Nadal, bħala t-tennista li rebaħ l-aktar Grand Slams, b’total ta’ 21.

L-Erbgħa Djokovic ammetta li kien pożittiv għal Covid-19 fit-18 ta’ Diċembru fejn iltaqa’ mal-ġurnalisti mill-gazzetta l’Equipe.