Pittura ta’ San Ġwann Battista ħdejn nixxiegħa, u li hija attribbwita lil wieħed mill-aktar artisti rinomati tar-rinaxximent, Michelangelo Merisi de Caravaggio ġiet mislufa mill-qraba ta’ Vincenzo Bonello lil Heritage Malta sabiex tkun eżibita fil-pubbliku.
Il-pittura chiaroscuro u li tmur lura għas-seklu 17 kienet restawrata fi proċess twil u delikat immens sabiex ġew preservati l-materjali oriġinali li bihom imsawwra din l-arti prezzjuża.
Fir-restawr, li mhux l-ewwel wieħed li sar fuq din il-pittura, kien preżervat dak kollu li nstab fi stat tajjeb filwaqt li tneħħew interventi preċedenti li ma kienux idonei mal-pittura, fosthom verniċ li kien jintuża fl-antik fi proċessi ta’ restawr.
Din il-pittura tifforma parti minn kolezzjoni privata li kienet ta’ Vicenzo Bonello.
Bonello, huwa nniffsu appassjonat tal-arti kien deskritt minn ibnu, l-imħallef Emeritu Giovanni Bonello, bħala pijunier tal-kultura astritika f’pajjiżna u l-ewwel Malti li kien storiku u kritiku tal-arti bi professjoni.
L-imħallef Emeritu fisser ma’ Net News l-importanza ta’ dan l-avveniment. Huwa qal li dan l-att kellu żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel li jikkonkretizza t-twemmin ta’ Vincenzo Bonello li kien jemmen li l-arti wkoll għandha tkun demokratika. Bonello kien jiddesrkivi l-arti bħala wirt universali u allura għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Giovanni Bonello qal li bħala suċċessuri tiegħu b’dan il-ġest riedu jwettqu dakk li kien jemmen Vincenzo Bonello.
It-tieni għan kien li jservi ta’ tip ta’ memorial għal Vincenzo Bonello li kien tant appassjonat tal-arti u li fi żmienu mhux talli ma ngħatax ir-rikonoxximent li kien jistħoqlu iżda talli ġie prattikament eżiljat.
Giovanni Bonello fakkar li missieru kien protagonist għall-ftuħ ta’ żewġ mużewijiet importanti f’pajjiżna – dak ta’ San Ġwann u dak tal-Katidral kif ukoll kien kruċjali għall-ftuħ tal-iskola tal-arti f’pajjiżna.
Il-pittura issa tinsab esposta fil-mużew tal-arti Muża fil-Belt Valletta u tinsab imdendla preċiżament ħdejn pittura oħra, din id-darba tal-artista Malti Giorgio Preca, li turi lil Vincenzo Bonello.
L-opra tal-arti attribbwita lil Caravaggio se tibqa f’dan il-mużew għal żmien indefinit grazzi għas-suċċessuri ta’ Vincenzo Bonello li aċċettaw li jsir dan is-self lil Heritage Malta.
//= $special ?>