Lokali

Repubblika tgħid li l-proposti dwar il-ġurnaliżmu m’għandhomx jinħbew

Repubblika tissieħeb mas-sejħa biex il-gvern jippubblika l-proposti li qal li għandu għal tibdil fil-Kostituzzjoni u f’liġijiet oħra biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-libertà tal-istampa.

Il-libertà tal-istampa hi pilastru għad-demokrazija tagħna u assigurazzjoni ta’ trasparenza fl-operat tal-gvern u skrutinju fuq dak li jagħmel. Ma nifhmux kif allura proposti biex tissaħħaħ it-trasparenza qed jinżammu mistura.

Napprezzaw li l-gvern ħatar kumitat t’esperti biex jgħidulu x’jidhrilhom mill-proposti li għamel. Fl-istess waqt, nesprimu x-xewqa li nagħtu lill-kumitat u lid-dibattitu pubbliku il-kontribut kostruttiv tagħna biex ikollna tibdil fil-liġi li tassew jipproteġi lill-ġurnalisti f’Malta.

Repubblika twieldet mill-kampanja li trid li bħala parti mill-isforz għal ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, ikun assigurat li Malta tinbidel biex jitwaqqfu darba għal dejjem it-theddid u l-vjolenza fuq il-kelma ħielsa li sofriet Daphne Caruana Galizia tul ħajjitha bħala ġurnalista u f’mewtha maqtula minħabba xogħlha.

Aħna għalhekk impenjati li nikkontribwixxu b’mod kostruttiv fl-isforz li għandu jkun nazzjonali biex dak li qed niġġieldu għalih ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-demokrazija narawh jitwettaq.

M’għandnix dubju li bħalna hemm ħafna li jistgħu jagħtu kontribut kostruttiv jekk il-gvern imqar jippermettilhom jaraw x’qed jipproponi.