Lokali Qorti

Tifel taħt l-età bi problema ta’ droga jammetti li hedded lil ommu

Tifel taħt l-età li għad għandu 15-il sena u li jagħmel użu mid-droga kannabis ammetta li hedded lil ommu fil-preżenza ta’ oħtu. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke poġġietu taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn   Iż-żagħżugħ li ismu ma jistax jissemma kemm għax huwa taħt l-età kif ukoll biex tiġi protetta ommu ammetta li fl-24 ta’ Awwissu li għadda, u fil-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel f’Tal-Pietà, beżża’ lil ommu u taha fastidju kif ukoll li ġimgħa qabel saħansitr heddidha u waddbilha xi oġġetti,

Il-Maġistrat Clarke qalet li minkejja l-akkużi li tressaq bihom iż-żagħżugħ kienu gravi hemm diversi fatturi li riedu jiġu kkunsidrati.Minbarra l-età hija nnutat l-ambjent li fih trabba fejn mir-rapport tas-social workers jirriżulta li l-imġieba tiegħu hija “riżultat ta’ esperjenzi negattivi li kiber fihom kif ukoll il-kumpanija ħażina ta’ ħbieb li kien iqatta’ ħafna ħin magħhom u l-użu tal-kannabis li żdied maż-żmien”.

Il-Qorti qalet li jirriżulta li huwa ilu jiġi segwiet minn ħaddiema soċjali minn Mejju 2020 u li qabel l-inċident m’ommu kien qed jirrifjuta ħafna mill-għajnuna li kienet offruta lilu. Punt important qalet il-Qorti huwa lil-aġir tiegħu nbidel, anke wara li qatta’ diversi ġimgħat taħt arrest, u issa jidher lest li jirrijabilita lilu nnifsu mill-vizzju tad-droga.

Problema f’dan il-każ kienet li minkejja li  ommu laqgħetu lura fid-dar nqala’ l-inkwiet għal darba oħra u missieru ma riedx jiffirma l-kunsens meħtieġ biex ibnu jibda l-programm ta’ rijabilitazzjoni.

Il-Qorti qalet iżda li kienet lesta tagħtih ċans jirrijabilita lilu nnifsu u kien għalhekk li poġġietu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn. Il-Qorti ordnat notifika ta’ din is-sentenza lid-Direttur ta’l-Ufficju ta’ Probation u Parole. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.