Internazzjonali Unjoni Ewropea

Tingħata l-aħħar tislima lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli

F’nofsinhar se jingħata l-aħħar tislima l-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli li miet it-Tlieta l’għadda fl-età ta’ 65 sena.

Sassoli se jingħata funeral statali f’Ruma fil-Bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli.

Sassoli jibqa’ magħruf mhux biss bħala dik il-persuna li tant ħadem fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll fil-karriera tiegħu ta’ 30 sena bħala ġurnalist u newscaster tar-Rai.

Sassoli kien ġie elett bħala President tal-Parlament Ewropew f’Lulju tal-2019 wara li kien ilu mill-2009 bħala Membru Parlamentari Ewropew..

L-eks ġurnalist u politiku kien ilu marid serjament għal dawn l-aħħar ġimagħtejn fejn kien ħassar kull attività li kellu.

Sassoli ġie rikoverat fi sptar fl-Italja fi żmien il-festi tal-Milied wara kumplikazzjoni serja f’saħħtu.

Preżenti għall-funeral l’għola awtoritajiet, fosthom il-President Taljan, Sergio Mattarella, il-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel u il-Membri Parlamentari Ewropew, Roberta Metsola u David Casa.